- Wegħda oħra ta’ Busuttil li ilha li twettqet
- Bil-politika tal-gvern gawda l-konsumatur
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Simon Busuttil, reġa’ żbalja dwar il-prezzijiet tal-fuel ukoll. Fl-aħħar jiem wiegħed li jekk jirbaħ l-elezzjoni ġenerali jniżżel il-prezzijiet tal-fuel taħt il-medja Ewropea. Iżda, l-prezzijiet tal-fuel ilhom taħt il-medja Ewropea għal żmien twil.
Nhar il-Ħamis 25 ta’ Mejju, il-Kummissjoni Ewropea ħarġet dak li jissejjaħ il-Weekly Oil Bulletin tagħha.
Ir-rapport jinkludi statistika uffiċjali tal-prezzijiet madwar l-Unjoni Ewropea. F’dan ir-rapport uffiċjali l-prezz medju madwar l-Unjoni Ewropea huwa indikat bħala €1.35 għall-petrol u €1.20 għad-diesel. Il-prezz tal-petrol f’Malta huwa €1.31, jew 4ċ orħos minn dak medju fl-Unjoni Ewropea, mentri dak tad-diesel huwa €1.18, jew 2ċ orħos.
Dan jindika li Simon Busuttil kien għalkollox żbaljat meta allega li l-prezzijiet f’Malta huma ogħla minn dawk fl-UE.
Fil-fatt analiżi tal-istatistika uffiċjali maħruġa mill-Kummisjoni Ewropea hemm 12-il pajjiż bi prezz tal-petrol ogħla minn Malta. Il-prezz f’pajjiżna huwa orħos minn dak imħallas minn 346 miljun Ewropew, jew seba’ minn kull għaxar Ewropej.
Id-diesel huwa orħos minn 12-il pajjiż b’popolazzjoni ta’ 266 miljun, jew ħamsa minn kull għaxar Ewropej. L-ogħla prezz tal-petrol huwa €1.54 fl-Olanda, jew 23ċ ogħla minn Malta, mentri l-ogħla prezz tad-diesel huwa €1.40 fl-Iżvezja, jew 22c ogħla.
L-istess bħal fil-każ tal-għotja lil min imur joqgħod Għawdex, jidher li Simon Busuttil qed jibbaża proposti fil-Manifest Elettorali fuq informazzjoni żbaljata.
Fil-każ ta’ Għawdex sostna li l-popolazzjoni ta’ Għawdex hija 30,000 meta statistika uffiċjali taċ-ċensiment turi li kienet kważi 31,600 diġà fl-2014.
Fil-każ tal-politika tiegħu fuq enerġija, qed jgħid li l-prezzijiet f’Malta huma ogħla mill-medja Ewropea, meta statistika tal-Kummissjoni Ewropea turi biċ-ċar li dawn huma orħos.