Dawk il-passiġġieri li għandhom tallinja card se jkunu qed igawdu minn prezzijiet orħos meta jużaw il-Valletta Ferry.
Ferry li l-passiġġieri jistgħu jużaw biex minn Tas-Sliema jaslu l-Belt Valletta, mill-Kottonera jaslu l-Belt Valletta u viċi-versa. Dawn se jgawdu ukoll minn inqas stennija hekk kif mhux se jkollhom għalfejn jixtru biljett għal kull vjaġġ.
Il-passiġġieri li għandhom tallinja card se jkunu jistgħu jgħaddu l-card minn magna apposta li biha se jkunu qed iħallsu għal dan is-servizz.
Apparti li l-passiġġieri se jgawdu minn servizz aktar faċilitat, se jkunu qed igawdu minn prezzijiet orħos għal kull vjaġġ.
L-adulti se jkunu qed iħallsu €1.30 minflok il-prezz ta’ €1.50 li jħallas passiġġier li m’għandux din il-card. Filwaqt li persuni b’diżabilità u anzjani se jkunu qed iħallsu 45 ċenteżmu minflok 50 ċenteżmu.
Is-servizzi ta’ matul il-lejl se jkunu orħos għal dawk li jagħmlu użu mit-tallinja card, dan hekk kif se jħallsu €1.65 minflok €1.75.
Il-Ministru għat-trasport qal li matul is-sena l-oħra l-Valletta Ferry għamel aktar minn miljun vjaġġ filwaqt li fl-ewwel sitt xhur tas-sena diġà saru 600,000 vjaġġ. Dan ifisser li jekk it-tieni nofs tas-sena jsegwi l-ewwel nofs, l-ammont ta’ vjaġġi matul din is-sena se jaqbez dak tal-2016.