Minn Jannar li ġej, ONE se jkun qed iwassal sensiela televiżiva ġdida. PREZZ L-IMĦABBA hija storja li teħodna lura lejn l-aħħar tas-snin 70 u bidu ta’ snin 80.
Fl-istorja naraw lil Gejtu u lil martu Dolor, koppja li kellhom tifel wieħed, Ronnie. Se naraw kif maż-żmien Ronnie isir iħobb tfajla, iżda missieru ma jaqbilx mad-deċiżjoni tiegħu li jħobb lil din it-tfajla. Għaliex? X’se jiġri meta Ronnie jwebbes rasu u x’se jiġri minn familtu?
Fir-raħal ta’ fejn qed tiġri din l-istorja, nsibu lil Ċikka, Pawla u Lola. Min huma dawn il-persuni u x’konnesjoni hemm ma’ Ronnie? Niltaqgħu wkoll ma’ Dovik u s-Sinjura Rita, nies sinjuri. Pero’ kif jgħidu: il-flus mhux kollox!
F’din l-istorja se naraw lil Francesca u n-namrat Mikiel, iżda l-istorja tikxef kif lil ta’ qablu qatt ma nesietu. Francesca titama li forsi d-destin jerġa’ jlaqqahom flimkien. Min jaf?
Naraw kif Grezzju baqa’ bir-rimors li lil mara Lola telaqha u ħalieha lampa stampa trabi lit-tifla waħida.
PREZZ L-IMĦABBA hija sensiela b’taħlita ta’ emozzjonijiet, imħabba, ferħ, dwejjaq, tradiment u qtil b’bosta atturi li m’għandhomx bżonn introduzzjoni u b’atturi ġodda.
Bħalissa għaddej ix-xogħol sabiex din is-sensiela tkun tista’ titwassal lis-segwaċi ta’ ONE minn Jannar li ġej.