Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia flimkien mad-Direttur Ġenerali tas-Servizzi Korrettivi, il-Kurunell Alexander Dalli, għall-ewwel darba ppreżentaw ċertifikati ta’ rikkonoxximent lill-ħames uffiċjali tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin li rtiraw wara 25 sena servizz. Wieħed mill-uffiċjali rċieva ċ-ċertifikat fl-assenza ta’ missieru. Is-Sur Kevin Mahoney, is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali kien preżenti waqt iċ-ċerimonja.
Il-Ministru Michael Farrugia rringrazzja lil dawn l-uffiċjali tas-servizz li taw tul dawn il-25 sena u ħeġġiġhom sabiex ikomplu jikkordinaw mal-uffiċjali korrettivi l-oħrajn. Huwa qal li d-Direttur Ġenerali qiegħed jaħdem spalla ma’ spalla mal-uffiċjali korrettivi, kif ukoll qiegħed jara l-bżonnijiet tal-inmates.
Huwa semma li fl-aħħar sitt ġimgħat saru tfittxijiet intensivi f’diversi divisions u fil-common areas tal-Faċilità, fejn instabu armi magħmulha mill-inmates stess matul is-snin. Dawn l-armi jistgħu faċilment jweġġgħu lill-inmates u lill-uffiċjali. Huwa enfasizza li dawn it-tfittxijiet estensivi mhux ser jiefqu.
Saħaq li l-cameras se jiġu upgraded, kif ukoll se jinxtraw body scanners li huma mgħammra b’teknoloġija avvanzata. Dan sabiex tiżdied is-sigurtà u jonsqu l-oġġetti projbiti ġewwa l-faċilità.
Il-Ministru Michael Farrugia kompla jżid li se jkun hemm bidliet fl-istruttura tal-immaniġjar. Dalwaqt se jibda jopera board ta’ governanza fejn jara li l-Faċilità timxi ’l quddiem.
Huwa ħabbar li fi ftit ġimgħat se jkun qed jinbidel l-ikel servut. L-inmates se jkollhom l-opportunità li jingħataw taħrig relatat mat-tisjir, u wara li jtemmu s-sentenza tagħhom joħorġu b’ċertifikat li jgħinhom jsiebu impjieg. Huwa tenna li qed jaħdem sabiex jiżdied il-ħlas li jingħataw l-inmates tax-xogħol li jwettqu fil-Faċilità.
Finalment, il-Ministru Michael Farrugia qal li se jkompli jaħdem fl-interess tar-riabilitazzjoni tal-inmates u tal-familja tagħhom.
Min-naħa tiegħu id-Direttur Ġenerali, il-Kurunell Dalli qal li ma setgħax jaħdem li kieku ma sabx 350 uffiċjal li kienu lesti jaħdmu. Illum l-uffiċjali jaħdmu flimkien bħala team wieħed u magħqud. Huwa ħa jaħdem sabiex tiżdied l-edukazzjoni u jingħata taħrig kontinwu.
Is-Segretarju Permanenti qal li se jibdew it-taħdidiet mal-union sabiex ikun hemm ftehim kollettiv ġdid li ilu ma jinbidel 24 sena.
Ritratti – DOI & MHAS