Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia flimkien mas-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Konsumatur, Indafa Pubblika u s-Sostenn tal-Belt Kapitali Deo Debattista ppreżentaw ċertifikati lil 11-il uffiċjal tal-pulizija wara li b’suċċess temmew taħriġ fl-investigazzjoni tal-forensika. Il-kors, li kien twil 5 ġimgħat, ġie offrut minn esperti Olandiżi minn Netherlands Forensic Institute (NFI) ġewwa l-Akkademja għall-Korpi Dixxiplinati.
Il-Ministru Michael Farrugia qal li l-Korp tal-Pulizija qiegħed kontinwament jinvesti f’apparat tal-aħħar teknoloġija u fir-riżorsi umani sabiex tkompli tiġi miġġielda l-kriminalità. Ix-xjenza tal-forensika kontinwament tiġi aġġornata u t-trends tal-kriminalità jinbidlu kontinwament. Irrispettivament mix-xiri ta’ apparat teknoloġiku, l-investiment fit-taħriġ jibqa’ essenzjali.
Il-Ministru Michael Farruiga feraħ lill-uffiċjali tal-pulizija li temmew b’suċċess dan il-kors u rringrazzja l-esperti Olandiżi tal-esperjenza u t-taħriġ li offrew. Il-Ministru rringrazzja wkoll lill-uffiċjali kollha tal-Korp tal-Pulizija għar-riżultati li qed jiksbu fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata.
Is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Konsumatur, Indafa Pubblika u s-Sostenn għall-Belt Kapitali Deo Debattista spjega kif il-Malta Laboratories Network jgħin laboratorji biex itejbu s-servizzi li joffru. Waħda mill-attivitajiet li qed issir bħalissa hija għajnuna biex tinkiseb l-akkreditazzjoni. L-impenn tal-Gvern biex itejjeb il-ġustizzja permezz ta’ investigazzjonijiet ibbażati fuq ix-xjenza u l-evidenza jikkonferma l-importanza tax-xogħol tal-Malta Laboratory Networks biex jagħti l-appoġġ meħtieġ lil-laboratorji, fosthom dawk forensiċi u tal-pulizija. “Il-kollaborazzjoni koperattiva bejn il-Malta Laboratory Networks u l-laboratorji forensiċi tal-pulizija qed tikkontribwixxi biex tigi żgurata l-prattika tax-xjenza forensika f’Malta”, ikkonkluda s-Segretarju Parlamentari.
Il-kors ta’ 5 ġimgħat iffoka fuq immaniġġjar ġenerali ta’ xeni kriminali, prinċipji u teoriji forensiċi bażici, reġistrazzjoni ta’ xena kriminali, preservazzjoni u sigurtà ta’ evidenza, ġbir ta’ traċċi, DNA sampling, fotografija ta’ xeni ta’ kriminalità, analiżi ta’ demm, investigazzjonijiet u sigurtàta’ evidenza, flimkien ma’ diversi suġġetti oħra.
Għaċ-ċerimonja attendew l-Ambaxxatur Olandiż għal Malta Frank Keurhorst, il-Kap Eżekuttiv tal-Korp Angelo Gafà, id-Deputat Kummissarju Antoine Casha, is-Suprintendent Antonello Grech, l-Ispettur tal-Pulizija Charlot Casha, il-Kmandant tal-Akkademja għall-Korpi Dixxiplinati Joseph Cachia, u ċ-Chairperson tan-Netwerk tal-Laboratorji ta’ Malta l-Professur Anthony Serracino Inglott.