Il-Malta Pool Association għada kif temmet l-istaġun bil-preżentazzjoni tal-unuri. Dan kien l-erba u tlettin staġun mit-twaqqif tal-assoċjazzjoni. It-timijiet protagonisti f’dan l-istaġun kienu Splendid Bar Qormi u Għaxaq Boċċi Club li kisbu tripleta kull wieħed. L-għola kampjonat, dak Premier, ġie mirbuħ minn Senglea Boċċi Club filwaqt li Splendid Bar kisbu r-rebħ tal-kampjonat tal-Ewwel Divizjoni. Għaxaq Boċċi Club rebħu l-Kampjonati tat-Tieni Divizjoni filwaqt li St. George’s Band Club Qormi kisbu t-titlu tat-Tielet Divizjoni. Splendid Bar Qormi għalqu l-istaġun bir-rebħ tas-Super Cup.
Lydan Debono rebaħ il-Kampjonati nazzjonali ndividwali. Fl-istess serata l-assoċjazzjoni ippremjat lill-plejers li kisbu suċċess fil-Kampjonati internazzjonali. It-tim nazzjonali Malti taż-żgħażagħ ta’ taħt il-ħamsa u ghoxrin sena, immexxi minn Noel Cassar u kompost minn Dejan Grech, Ryan Pisani u Alessio Magro, rebaħ il-Kampjonati Ewropej filwaqt li Dejan Grech ġie nkurunat bħala ċampjin ewropew tal-kategorija Open fl-istess kampjonati.
Is-Segretarju tal-Assocjazzjoni ta’ dettalji rigward l-istaġun il-ġdid li ser ikollu bidu fil-25 ta’ Lulju. F’dan l-istaġun l-assoċjazzjoni ser tieħu sehem f’żewġ kampjonati mondjali li ser isiru fl-Irlanda u l-Marokk kif ukoll fil-kampjonati Ewropej li ser issiru f’pajjiżna f’Frar 2023.