Is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi, Ċittadinanza u Simplifikazzjoni ta’ Proċessi Amministrattivi Julia Farrugia Portelli, flimkien mal-Kummissarju Għoli Ingliż Stuart Gill, ippreżentaw tifkira liż-żewġ fotografi li pparteċipaw waqt esebizzjoni fotografika dwar it-traffikar f’Ottubru li għadda. It-tema tal-esebizzjoni kienet ‘Għall-Bejgħ: Uċuħ tat-Traffikar Uman’, u ġiet organizzata flimkien mal-Kummissjoni Għolja Ingliża f’Malta.
L-esebizzjoni ttellgħet fil-Berġa ta’ Kastilja nhar il-5 ta’ Ottubru 2019, bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet uffiċċjali ta’ Notte Bianca għal din is-sena. Il-fotografi Alenka Falzon u James Bianchi, minn The Malta Independent u Maltatoday rispettivament, preżentaw numru ta’ ritratti li jissimbolizzaw forom differenti ta’ sfruttament marbut mas-sess, ix-xogħol jew is-servitù domestiku.
Filwaqt li rringrazzjat liż-żewġ fotografi, is-Segretarju Parlamentari Farrugia Portelli tkellmet dwar l-effettività ta’ inizjattivi bħal dawn, li jservu sabiex isaħħu l-għarfien dwar dan ir-reat. Hija fakkret li l-esebizzjoni żaruha eluf ta’ nies li setgħu jiksbu tagħrif dwar dan is-suġġett u x’azzjoni wieħed jista’ jieħu dwaru.
‘Din l-amministrazzjoni ikkommettiet ruħha li l-edukazzjoni dwar it-traffikar tal-bnedmin tibqa’ tingħata fuq bażi permanenti. Fl-aħħar baġit, il-Gvern reġa’ alloka aktar riżorsi sabiex tissaħħaħ il-prevenzjoni tat-traffikar tal-bnedmin inkluż permezz ta’ estensjoni tal-kampanja ‘Uman, Bħalek,’ qalet is-Segretarju Parlamentari Farrugia Portelli.
Min-naħa tiegħu, l-Kumissarju Għoli Ingliż Stuart Gill rrimarka kif it-tifkira li ngħatat illum tirrifletti l-ħidma sinifikanti li saret matul is-sena li għaddiet, wara l-ftehim li sar biex issir ħidma kollettiva fil-ġlieda komuni kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-iskjavitù.
Din il-kollaborazzjoni mill-qrib tiġbor kemm għajnuna teknika mill-esperti tar-Renju Unit, kif ukoll tqajjem kuxjenza dwar il-ħtieġa li tiġi indirizzata waħda mill-ikbar sfidi tad-drittijiet tal-bniedem. “Kien ta’ pjaċir għalija li niltaqa’ ma’ James u Alenka biex, flimkien mas-Segretarju Parlamentari, ddiskutejna l-kontribut importanti tagħhom għall-isforzi konġunti biex tintefa’ l-attenzjoni fuq l-effetti ta’ dan l-abbuż,” temm jgħid Stuart Gill.
Ritratti: OPM_PS