Il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta l-Professur Edward Scicluna ilbieraħ ippreżenta munita kommemorattiva lis-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza, l-Onor. Rebecca Buttigieg.
Sabiex tiġi ċċelebrata l-okkażjoni fejn fl’aħħar ġranet Malta ospitat l-avveniment EuroPride, il-Bank Ċentrali ta’ Malta kkummissjona munita kommemorattiva unika, maħduma mir-Royal Dutch Mint u li minnha nħarġu biss 2,000 munita. Il-munita EuroPride għandha valur nominali ta’ €10 u ġiet maħduma f’0.925 fidda f’verżjoni proof, tiżen 28.28g, u għandha dijametru ta’ 38.61mm.
Fuq in-naħa ta’ quddiem tal-munita jidhru l-ittri tal-kelma ‘PRIDE’ bil-kuluri tal-qawsalla. L-elementi fuq dawn l-ittri jidhru wkoll fil-logo tal-EuroPride Valletta 2023. Fuq in-naħa ta’ wara tal-munita hemm il-logo tal-Bank Ċentrali ta’ Malta u s-sena 2023.

