Il-Ġimgħa filgħaxija ġiet ippreżentata l-istrateġija għall-allokazzjoni tal-Akkomodazzjoni Soċjali, fejn tħabbar li beda l-proċess t’allokazzjoni ta’ djar fis-siti ġodda tal-akkomodazzjoni soċjali.
Dan huwa parti mill-akbar proġett ta’ akkomodazzjoni soċjali fl-aħħar erbgħin sena, u kien l-ewwel darba li l-Gvern qiegħed juri kif se jiġu allokati d-djar tal-akkomodazzjoni soċjali.
Hawn ġie spjegat li l-istudju ta’ profiling, il-bini ta’ elf u seba’ mitt dar ġdida u s-seba mitt allokazzjoni li seħħew fl-aħħar tliet snin kienu ftit mill-bosta inizjattivi li naqqsu r-rata ta’ stennija għall-post tal-Gvern bin-nofs.
Intqal kif sal-aħħar tas-sena d-dieħla, ħames mija u ħamsa u erbgħin familja se jiġu allokati fl-akkomodazzjoni tagħhom, u sal-aħħar ta’ din is-sena, il-lista tal-istennija se tonqos b’nofs dik li kienet fl-elfejn u sbatax.
Intant, fl-elfejn tlieta u għoxrin, se jiġu allokati l-familji f’siti tal-allokazzjoni ffinanzjati mill-Fond Soċjali għall-Iżvilupp Nazzjonali flimkien ma’ madwar disgħin dar mikrija minn sidien privati.
Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali, Roderick Galdes, sostna li permezz ta’ ħidma bla waqfien, il-Gvern irnexxielu jbiddel sitwazzjoni fejn l-akkomodazzjoni soċjali kien qiegħed jiġi indirizzat bħala kriżi, għal sitwazzjoni fejn hemm viżjoni sostenibbli għall-futur.
Huwa qal, “Dan kien frott ta’ ħidma li mhux biss il-bini biss. Imma inti li jkollok pjan ħolistiku, pjan strateġiku biex tgħin permezz ta’ skemi t’għajnuna, permezz t’għajnuniet oħrajn u inċentivi li tajna lil nies li ma kellhomx alternattiva qabel u llum għandhom alternattiva t’akkomodazzjoni jew billi huma saru sidien ta’ darhom jew inkellha billi rnexxielhom ukoll, ħa ngħidu hekk jimxu ’l quddiem, jagħmlu mobilità soċjali bl-għajnuna tal-Gvern.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, Leonid McKay irringrazzja l-għaqdiet u l-ħaddiema numeriżi li permezz tagħhom qiegħda tiġi ċċelebrata din il-kisba.
Sostna li minkejja l-ħsibijiet ta’ bosta persuni, hemm diversi realtaijiet li huma r-raġuni għalfejn wieħed ifittex l-akkomodazzjoni soċjali.
Huwa stqarr: “Bħala Awtorità fhimna li m’hemmx soluzzjoni waħda biex tindirizza l-waiting list. Li tibni biss u talloka, ma tkunx qiegħed tindirizza l-waiting list b’mod konkret. Hemm modi oħrajn, kellek persuni fuq il-lista li kull ma kellhom bżonn huma loans soċjali, persuni li kienu f’dar perikoluża, u allura kellhom bżonn għajnuna u jibqgħu jgħixu f’darhom.
Waqt il-konferenza tal-aħbarjiet tkellmet ukoll il-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca, li sostniet kif bil-ħidma li qed issir, il-Gvern qabad il-barri minn qrunu biex indirizza din ir-realtà.