F’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-isponsor ewlieni tal-klabb ta’ Ħamrun Spartans FC Joseph Portelli, il-Viċi-President Gaetano Debattista, il-kowċ Mark Buttigieg u Marcel Bonnici Amministrattur tal-Klabb ġiet imħabbra l-iskwadra ta’ Ħamrun Spartans għall-istaġun 2020-2021 u ġew diskussa l-pjanijiet tal-klabb fiż-żmien li ġej.
Joseph Portelli tkellem fuq il-pjanijiet tal-klabb u għamel referenza għall-proġett tal-grawnd Victor Tedesco fejn emfasiża l-importanza ta’ għajnuna mill-Awtoritajiet sabiex dan il-proġett ikun jista’ jsir. Portelli saħaq li dan il-proġett se jkun qed ifisser li l-Klabb ta’ Ħamrun ikun jista’ jfendi waħdu u għalhekk aċċenna għall-importanza li jkun hemm leġislazzjoni li tgħin lill-klabbs jibqgħu sostenibbli b’għajnuna f’dak li għandu x’jaqsam mal-art u l-kirjiet abbinati magħha u għajnuna finanzjarja oħra bħal self li jagħmlu dan il-proġett realtà.
Portelli spjega kif il-klabb qed jimxi sabiex ikollu strutura professjonali u jinsab persważ li dan se jfisser suċċess. Fl-aħħarnett Portelli awgura lit-tim tal-Floriana wara r-rebħa fl-Europa League lbieraħ filgħaxija.
Gaetano Debattista min-naħa tiegħu rringrazzja lil Joseph Portelli, lil Kumitat u lil dawk kollha li qed jagħtu s-sehem tagħhom sabiex il-klabb ikun imexxi b’mod professjonali. Marcel Bonnici, Amministrattur tal-klabb spjega l-mod kif illum il-klabb tal-Ħamrun Spartans qiegħed jaħdem b’numru ta’ strutturi li jgħinu lill-Kumitat. Fost dawn l-istrutturi hemm gruppi ta’ nies wara l-komunikazzjoni u l-marketing, il-finanzi u anke l-attivitajiet.
Fl-aħħarnett, il-kowċ ta’ Ħamrun Spartans, Mark Buttigieg għamel referenża għas-sapport li rċieva mis-supporters ta’ Ħamrun u saħaq li huwa kuntett bl-iskwadra li fi kliemu se tkun waħda kompetittiva.
Intant l-iskwadra għal dan l-istaġun hija magħmula minn: Adeshina Ige Abdullahi, Marcelo Barbosa, Manuel Bartolo, Darren Borg, Juan Carlos Carbalan, Jonathan Debono, Matthias Debono, Predrag Dordevic, Carlos Flores, Darko Gojkovic, Kieran Higgans, Imanol Iriberri, Eemerson Marcelina, Joseph Mbong, Karl Micallef, Nikolai Micallef, Arthur Oyama, Nehar Sadiki, Pablo Sanchez, Elkin Serrano Valero, Ailton Jorge Soares u Miguel Tabone.