Tul il-jiem li għaddew il-Malta Weightlifting Association ikkompetiet fil-Kampjonat Ewropew tan-Nazzjonijiet Żgħar u l-Junior International Open ta’ Ċipru.
L-aqwa riżultati għal Malta ġew minn Tenishia Thornton, wara li rnexxiela tirbaħ l-unur tal-aqwa atleta femminili tan-Nazzjonijiet Żgħar Ewropej. Hija kienet segwita mill-atleta mill-Iżlanda u fit-tielet post ġiet Roberta Tabone, li tirrappreżenta wkoll lil Malta.
Thornton rebħet ukoll l-Open Internazzjonali, u kienet segwita mill-Iżlanda u l-Ġermanja. Fid-doubles tan-nisa, Thornton u Tabone reġgħu kisbu l-ewwel post għal Malta, bl-Iżlanda u Ċipru jispiċċaw fit-tieni u t-tielet post rispettivament.
Fil-kompetizzjoni tal-irġiel, it-tim kompost minn Anton Micallef, Shaun Ciantar u Rylee Borg spiċċa fit-tielet post. L-ewwel post mar għand Ċipru li kienu segwiti mill-Iżlanda. L-avveniment tat-timijiet imħallta rat kompetizzjoni ħarxa mill-atleti Maltin, Iżlandiżi u Ċiprijotti li taw kollox biex jirbħu dan l-unur prestiġjuż. Għaldaqstant, Ċipru kisbu l-ewwel post, u l-Iżlanda rnexxielha takkwista t-tieni post wara li għaddiet lil Malta b’punt wieħed biss.
Minħabba f’hekk Malta spiċċat fit-tielet post, 4 punti biss wara r-rebbieħa. Monaco spiċċaw fir-raba’ post segwiti mil-Lussemburgu u San Marino rispettivament.
It-Tim Malti kien taħt il-gwida tal-kowcis, Rodmar Pulis u Jesmond Caruana Il-parteċipazzjoni tat-tim Malti f’dawn il-kampjonati kienet possibbli grazzi għas-sapport minn SportMalta u l-Kumitat Olimpiku Malti.