Matthew Portelli jirbaħ il-Junior Chess Championship
Fl-età tenera ta’ 12-il sena, Matthew Portelli huwa r-rebbieħ nazzjonali tal-Junior Chess Championships 2025. B’riżultat eċċezzjonali ta’ 6.5 punt minn total ta’ 7 logħbiet, l-unika draw ta’ Portelli kienet propju kontra ċ-champion nazzjonali kurrenti Jack Mizzi, li wkoll spiċċa bl-istess punteġġ. Minkejja l-prestazzjoni b’saħħitha, Mizzi akkwista t-tieni post minħabba t-tiebreaks. Leonardo Zangrilli kiseb it-tielet post b’4.5 punti.
Fil-kategorija ta’ taħt is-16-il sena, Isaac Grima Bongailas joħroġ rebbieħ b’4 punti, u bit-titlu tal-U16 champion. Runner-up Gabriel Gauci u Gabriel Grech li spiċċa fit-tielet post, kellhom it-tnejn 3.5 punti. Kienu t-tiebreaks li ddeterminaw il-klassifika finali ta’ dawn iż-żewġ plejers bravi.
Wang Yunlong hija ċ-champion tal-U14, wara li kisbet riżultati ta’ tiebreaks aħjar kontra runner-up Nick Calleja Urry, bit-tnejn iġibu total ta’ 4 punti minn 7 logħbiet. Matthias Borda kiseb it-tielet post permezz ta’ 2 rebħiet u 2 draws. Għal informazzjoni sħiħa dwar il-kampjonat tal-U20 tista’ tmur fuq is-sit: https://chess-results.com/tnr1124650.aspx?lan=1
Keshav Reyansh jirbaħ it-titlu tal-U12
Keshav Reyansh, li fl-età ta’ 9 snin biss irnexxielu jakkwista riżultat perfett ta’ 7 rebħiet, ġibed l-attenzjoni ta’ kulħadd. Dan ir-riżultat brillanti wasslu għar-rebħ tat-titlu ta’ U12 champion għal din is-sena. Fit-tieni post spiċċa John Refalo b’riżultat finali ta’ 5.5 punti, filwaqt li Fan Jiading jieħu t-tielet overall b’4.5 punti.
Elena Borg Mercieca ħarġet rebbieħa fil-kategorija tal-U10, hekk kif rebħet it-titlu b’total ta’ 4.5 punti. Kate Sheppard u Ozsov Ozgun segwew fit-tieni u t-tielet post rispettivament; it-tnejn li huma bi 3 punti.
L-iżgħar parteċipanti fil-kompetizzjoni kienu fil-kategorija ta’ taħt it-8 snin, fejn George Borg Mercieca rebaħ l-ewwel post b’total ta’ 4.5 punti. Nikol Borg kiseb it-tieni post bi 3 punti.
Dawn il-wirjiet eċċezzjonali huma xiehda tal-iżvilupp fit-talent lokali u l-ispirtu kompetittiv ta’ dawn iż-żgħażagħ Maltin fiċ-ċess. Il-Federazzjoni Maltija taċ-Ċess se tkun qed tipparteċipa fil-European Youth Team Chess Championships ġewwa Slovenja f’Lulju li ġej. Il-parteċipanti se jintgħażlu skont ir-riżultati ta’ dan il-kampjonat. Għal informazzjoni sħiħa dwar il-kampjonat tal-U12 tista’ tmur fuq is-sit: https://chess-results.com/tnr1124650.aspx?lan=1