Wara s-suċċess ta’ Francesca Curmi il-ġimgħa l-oħra fejn rebħet il-finali tal- ITF Junior Grade 2 Tournament tirritorna din il-ġimgħa billi tipparteċipa fl-ITF Womens Circuit Tournament li qiegħed jintlab f’Hammamet fit-Tunezija, din id-darba tingħaqad mal-istilla l-oħra Maltija tat-tennis Elaine Genovese fil-logħob femminili tad-doubles.
Id-duet Malti llum lagħab fil-kwarti finali kontra it-tielet seeds Sandra Samir u Cindy Burger, din ta’ l-aħħar tirrenkja xejn anqas minn (134) fil-“Career High Singles Ranking” tad-dinja. Genovese u Curmi taw prestazzjoni spettakolari, b’rebħa komda u distakk ta’ 6-2, 6-4.
Genovese li kellha bosta suċċessi fil-karriera tagħha u li diġà kisbet unuri kbar għal Malta fil-qasam tat-tennis flimkien ma’ Curmi li hija kkunsidrata bħala “Malta’s rising star” qieghdin jaħdmu sew flimkien u qegħdin jagħtu x’jagħmlu lill-opponenti tagħhom. Dawn iż-żewġ tennisti huma t-tnejn atleti professjonali mħarrġa minn Asciak Tennis Academy taħt id-direzzjoni tal-kowċ tagħhom Matthew Asciak.
Dawn it-tfajliet issa jinsabu ħerqana biex jilagħbu s-semi finali tagħhom skedata għal għada kontra Natalija Kostic mis-Serbja u Jelena Simic mill-Bosnia.