Bernard Grech qed jaffaċċja pressjoni ġdida sabiex ineħħi lill-preċedessur tiegħu Adrian Delia. Din id-darba it-talbiet saru waqt programm online mill-għaqda Repubblika permezz tal-eks-kandidat Nazzjonalista u ħaten Beppe Fenech Adami, Kevin Cassar.
F’intervent li għamel fi programm li għalih kien hemm mistiedna wkoll l-eks Chief of Staff ta’ Austin Gatt, Manuel Delia u l-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi, Cassar li qatt ma sab saqajh meta kkontesta l-elezzjoni, reħilha jgħid li biex il-partit juri li hu serju irid ineħħi lil kull min fuqu hemm inkjesta maġisterjali. Talba ċara biex jitneħħa Adrian Delia mill-partit hekk kif hemm inkjesta maġisterjali għaddejja dwar flus li hu allegatament irċieva mingħand Yorgen Fenech.
Cassar stqarr: “Li jridu jinbidlu huma l-Partiti stess, u l-partiti stess it-tnejn li huma, ovvjament għandna problema ferm ikbar bil-Partit Laburista, imma dawk l-elementi li mhumiex integri, li hemm suspetti serji fuqhom, illi jkun hemm inkjesti maġisterjali għaddejjin fuqhom ma jistgħux jibqgħu hemmhekk. Trid tneħħiehom.”
Kienu bosta qrib it-tmexxija ta’ Bernard Grech li kif semgħu din id-dikjarazzjoni fetħu għajnejhom beraħ u bewqu fommhom hekk kif ma kienx mistenni li l-establishment Nazzjonalista permezz ta’ ħaten Beppe Fenech Adami, kienu ser jimmontaw iżjed pressjoni fuq Grech bħalissa. Dan meta Grech diġà qed jaffaċċja qasma fil-Grupp Parlamentari minħabba d-diskussjoni tal-Kannabis.
Il-fatt li ntuża programm tal-għaqda Repubblika biex issir din it-talba lil Grech tkompli żżid il-pressjoni fuq il-Kap Nazzjonalista li fl-aħħar tax-xahar li għadda kien wegħdhom il-lealtà kollha tiegħu meta mar magħhom fi protesta barra d-depot.
Adrian Delia huwa kkonfermat mill-Partit Nazzjonalista bħala kandidat fuq żewġ distretti, fost l-oħrajn fuq it-tmien wieħed, dak li fuqu jikkontesta l-istess Beppe Fenech Adami. Ironikament kien ħatnu stess li b’mandat mill-establishment tal-Partit Nazzjonalista reġa’ jagħmel pressjoni biex Bernard Grech iqalfat il’ barra lil Adrian Delia mill-Partit.
Xi ħaġa li Bernard Grech qed iżomm lura milli jagħmel, mhux għaliex għandu xi mħabba speċjali lejn dak li kien hemm qablu iżjed minħabba li deċiżjoni bħal din tista’ tiftaħ beraħ il-konsenturi preżenti fid-Dar Ċentrali.