Fil-Partit Nazzjonalista qed issir pressjoni kbira fuq il-Kap, Bernard Grech, biex jagħmel taqliba fil-mod kif inhuma assenjati d-dekasteri lill-membri tal-Grupp Parlamentari.
Dan ħabbritu l-gazzetta KullĦadd, li osservat li, minkejja dan, Grech ma jidhirx wisq entużjast li jċaqlaq l-affarijiet, għax kull mossa li jagħmel qed tispiċċa toħloqlu aktar problemi milli ssolvilu.
Minkejja dan, f’dan il-każ ukoll jaf ikollu jagħmel dak li ma jixtieqx. Albert Buttigieg issa ilu ġimagħtejn li ħa post Robert Arrigo fil-Grupp Parlamentari Nazzjonalista, iżda s’issa għadu mingħajr dekasteru. Dawk li jridu r-reshuffle qed jużaw din l-okkażjoni biex jippressaw lill-Kap ħalli jagħmel il-bidla li jridu.
Il-gazzetta KullĦadd irrappurtat li hi infurmata li din il-pressjoni ilha timmonta minn meta ġie ppubblikat id-dokument Nazzjonalista ta’ qabel il-Baġit. Fil-fatt, il-pressjoni fuq Grech qed issir bl-argument li l-oqsma l-aktar importanti għandu jħallihom fi jdejn min tassew jifhem u għandu l-esperjenza. Fil-mira prinċipali hemm Jerome Caruana Cilia, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Finanzi, li falla bil-kbir fl-ewwel test tiegħu. Lil Grech qed jgħidulu xi żball kbir kien li neħħa lil Mario de Marco biex minfloku daħħal lid-deputat Caruana Cilia.
Beppe Fenech Adami ma qgħadx lura milli jgħaddi battuti pubblikament, anke jekk ma semmiex speċifikament lil Caruana Cilia. F’intervista fuq ir-radju li kellu lbieraħ, Fenech Adami qal li kien żball li Bernard Grech ħalla lil Chris Said, lil Mario De Marco, u lil Carmelo Mifsud Bonnici mingħajr dekasteru.
Fenech Adami, iżda, ma waqafx hemm, għax qal ukoll li jippretendi li s-sitwazzjoni tiġi rrimedjata. “Naħseb deċiżjoni żbaljata u nittama li dik il-ħaġa tiġi rranġata,” qal Fenech Adami. Kompla jgħid, “Jien naħseb li kien żball li lil dawn it-tliet persuni m’għamilhomx kelliema u ma tahomx dekasteru. Naturalment, kien hemm loġika, però naħseb li hu żball li aħna nippruvaw fil-politika tagħna ma nipproteġux u ma niftaħrux bil-legat tal-PN.”
Il-miġja lura tal-fazzjonijiet ta’ żmien GonziPN fil-qalba tal-politika hi sagrosanta għall-grupp li poġġa lil Grech fis-siġġu ta’ Kap. Saħansitra, Chris Said issa daħal bħala President tad-Djalogu Soċjali, filwaqt li għar-Riċerka Politika ġabu lil Mary Ann Lauri, għażla diretta tad-deputat Karol Aquilina, wieħed mill-privileġġati ta’ Lawrence Gonzi.
Biex jipprova jpaċi, din il-ġimgħa Bernard Grech ħareġ jgħid kemm ikun tajjeb Lawrence Gonzi għal President ta’ Malta, iżda jaf li anke dikjarazzjoni bħal din mhux se tkunlu biżżejjed.