It-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista, iddominata mill-establishment tal-istess partit, qiegħda tfittex b’mod attiv modi kif l-eks Kap Adrian Delia u l-fazzjoni tiegħu ma jitħallewx ikunu ta’ theddida għall-ħakma ta’ Bernard Grech fuq il-partit. Fuq nett tal-lista ta’ possibbiltajiet hemm l-intenzjoni li jintbagħat iservi bħala deputat tal-Parlament Ewropew fi Brussell.
It-Times of Malta kkonfemat li t-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista qed tagħmel pressjoni fuq l-eks Kap tal-istess Partit, Adrian Delia, biex joħroġ bħala kandidat għall-elezzjonijiet li jmiss tal-Parlament Ewropew, li huma skedati għal Mejju tal-2024. Il-gazzetta qalet ukoll li Delia nnifsu ma riedx jitkellem mal-gazzetta dwar x’inhuma l-intenzjonijiet tiegħu.
Sorsi fil-Partit Nazzjonalista qalu lil ONE News li l-establishment tal-Partit kien ittama li, meta sentejn ilu rnexxielu jwarrab lil Delia mit-tmun tal-partit biex minfloku jidħol Bernard Grech, kien se jkun qata’ wkoll ras il-karriera politika tiegħu. Madadankollu, l-istess sorsi qalu li l-aħħar daħqa kienet ta’ Delia, li fl-elezzjoni ġenerali ta’ Marzu li għadda tela’ b’saħħa kbira minn żewġ distretti. Din ir-rebħa personali ta’ Delia rabtet id Bernard Grech u ta’ madwaru, li kellhom ibaxxu rashom u jagħtuh rwol prominenti sew fit-tim tal-Kelliema Ewlenin tal-Oppożizzjoni.
Is-sorsi tagħna fid-Dar Ċentrali tkellmu dwar il-biża’ li hemm fil-partit li l-influwenza ta’ Adrian Delia tkompli tissaħħaħ, partikolarment fid-dawl tal-fatt li xejn inqas minn 28 fil-mija tal-kunsilliera ma tawx l-appoġġ tagħhom lil Bernard Grech biex jiġi kkonfermat Kap fl-elezzjoni li saret fil-kunsill ġenerali ftit jiem ilu, li fiha ma kellu l-ebda kompetizzjoni. F’din is-sitwazzjoni, skond is-sorsi tagħna, ħadd ma jista’ jeħodha bħala fatt li Delia ma jerġax saħansitra jitħajjar li jerġa’ jikkontesta għall-kariga ta’ Kap fil-futur.
Quddiem dan kollu, is-sorsi kkummentaw li Bernard Grech u ta’ madwaru qed ifittxu attivament mod kif, mingħajr ma joqorsu żżejjed lill-fazzjoni ta’ Delia u jqanqlu aktar irwiefen fil-Partit, ibegħduh kemm jistgħu mill-aċċess għall-poter fil-partit billi jibagħtuh iservi fil-Parlament Ewropew fi Brussell.
It-tama tal-establishment hi li, kif jgħid il-Malti, ’il-bogħod mill-għajn, il-bogħod mill-qalb”. Jekk Adrian Delia jibda minn issa jikkonċentra fuq il-Parlament Ewropew, allura Bernard Grech ikun jista’ jkompli jikkonċentra b’inqas inkwiet fuq li jkompli jikkonsolida l-pożizzjoni tiegħu fit-tmun tal-partit mingħajr ma jkollu ma’ saqajh eks Kap li għadu jqisu bħala theddida kbira għall-pożizzjoni tiegħu bħala l-Kap attwali.