- TA’ BEZZINA JGĦIDU LI LA MA TELAQX AZZOPARDI MA JITLAQX HU
- SIMON BUSUTTIL UKOLL JINSISTI LI JŻOMMU
Fil-Partit Nazzjonalista teżisti pressjoni kbira biex il-kap jieħu azzjoni fil-konfront ta’ Toni Bezzina; id-deputat Nazzjonalista li mhux biss inqabad li ried jibni villa f’art ODZ iżda li skont informazzjoni esklussiva li ppubblikajna l-ġimgħa li għaddiet ivvinta tagħrif fl-applikazzjoni tiegħu biex seta’ jsaħħaħ iċ-ċans tiegħu li jibni l-villa li ried f’art naturali taħt l-Imdina.
Il-kap iddefenda lil Toni Bezzina mal-ewwel, anke għax wara li nqabad x’ried jagħmel, il-perit qal li se jirtira l-applikazzjoni li fl-Awtorità tal-Ippjanar daħlet fuq isem martu.
Iżda, minkejja li kien ħaseb li dan hu kapitlu magħluq, fil-fatt irriżulta mod ieħor. Mhux biss għax kien hemm għajjat ta’ nies minn oqsma differenti biex Bezzina jitneħħa jew jitkeċċa iżda wkoll għaliex din il-gazzetta żvelat iktar fatti skandalużi. Ħafna iktar persuni mhux jemmnu lil Toni Bezzina u din hija daqqa ta’ ħarta għall-kredibbiltà tal-Partit Nazzjonalista fejn għandha x’taqsam il-politika ambjentali. Dan għax waqt li kien qed jikteb ir-rapport dwar l-ambjent tal-Partit Nazzjonalista ma’ żewġ deputati oħra, Bezzina kien qed jaħseb kif se jirrovina art verġni fl-Imdina, proprju fit-telgħa li twassal għar-Rabat.
Li Bezzina għandu pressjoni interna biex jitlaq ikkonfermawh is-sorsi tagħna li qalu li mhix kumbinazzjoni li l-editorjali ta’ gazzetti bl-Ingliż iktar kmieni din il-ġimgħa poġġew pressjoni fuq Bezzina. “Ċara. Il-kap irid iżommu. Tinsiex li kien żammu anke wara li tilef il-każ fejn bagħat ħaddiema jagħmlu xogħol tal-gvern fil-każin tal-PN,” qalilna bniedem qrib kumitat sezzjonali mill-ħames distrett fejn jikkontesta Bezzina u li jkun ta’ spiss id-Dar Ċentrali.
Iż-żewġ gazzetti bl-Ingliż li ma jiddejqu xejn jimbottaw l-aġenda tal-PN meta jkun hemm bżonn, kitbu li Bezzina imbarazza lill-PN u saħansitra l-PN għandu jaħsibha jħallihx kandidat. “Ċara li dawn huma messaġġi li għandhom l-id ta’ xi ħadd mill-istamperija għalkemm żgur mhux tal-kap, li ħareġ jgħid li Bezzina kellu kollox skont il-liġi u regolari. Il-pressjoni issa qiegħda kollha fuqu,” tennew is-sorsi tagħna.
The Malta Independent qalet li Busuttil qed jiddefendi lil Bezzina għax ma jridx inaffar il-momentum li qabad fil-ħames distrett elettorali. “Il-PN għandu jitlob lil Toni Bezzina ma jikkontestax l-elezzjoni ġenerali,” qal l-editur ta’ The Malta Independent li nnota kif Bezzina ġab lill-Partit Nazzjonalista fuq sieq waħda għax għandu bżonnu fuq il-ħames distrett. Saħansitra Toni Bezzina kien deskritt bħala l-istar candidate tal-Partit Nazzjonalista fuq il-ħames distrett fejn se jikkontesta wkoll id-deputat Jason Azzopardi. Fil-fatt nies qrib Bezzina qed isostnu li la Azzopardi ma refax farka responsabbiltà wara rapporti skandalużi tal-Awditur Ġenerali, partikolarment dwar id-deal tal-Löwenbräu, m’għandux jerfa’ r-responsabbiltà ż-żiemel tagħhom.
It-Times of Malta nnotat kif kien wara li din il-gazzetta żvelat l-istorja li Toni Bezzina ddeċieda li jirtira l-applikazzjoni. “Għaliex ma ħasibx dwar dan qabel daħħal l-applikazzjoni?” qal l-editorjal tat-Times of Malta li wkoll irrimarka li biex l-affarijiet ikunu agħar, Bezzina kiteb ir-rapport ambjentali tal-Partit Nazzjonalista.
Mid-Dar Ċentrali, dawk li ssoltu jkunu mgħarrfa sew, qalu li tidher ċara l-istrateġija ta’ xi wħud fil-Partit Nazzjonalista li jipprovaw jimminaw lil Bezzina ftit ftit. Iżda, dan ma jfisser xejn.
Uffiċjalment il-Partit Nazzjonalista qabeż għalih u jiġri x’jiġri minn issa ’l quddiem, Simon Busuttil qiegħed tard. Dan għaliex l-appelli ta’ nies bħal Carmel Caccopardo, Arnold Cassola, Marco Cremona, Desiree Attard, Jes Saliba u Mario Mallia li lkoll qalu li Bezzina għandu jirriżenja ilhom li saru u sal-lum waqgħu fuq widnejn torox.