- Is-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil: Il-ministri tal-Intern tal-UE jiddiskutu t-triq ’il quddiem
Waqt laqgħa informali tal-Kunsill tal-ĠAI fil-Belt Valletta, il-ministri tal-Affarijiet Interni tal-UE u tal-pajjiżi assoċjati ma’ Schengen illum iffukaw fuq it-tiftix ta’ soluzzjonijiet fir-rigward tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil (is-SEKA) u indirizzaw il-kwistjoni tas-solidarjetà u l-qsim ġust tar-responsabbiltà f’dan il-qasam.
Il-Kummissarju Ewropew għall-Migrazzjoni, l-Affarijiet Interni u ċ-Ċittadinanza, Dimitris Avramopoulos, u l-President tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (LIBE) tal-Parlament Ewropew, Claude Moraes, ukoll kienu prezenti u ħadu sehem fid-diskussjoni.
Dan kompla jibni fuq il-Konklużjonijiet tal-20 u l-21 ta’ Ottubru 2016 tal-Kunsill Ewropew, li appellaw biex tissokta l-ħidma għal twettiq effettiv tal-prinċipji tar-responsabbiltà u s-solidarjetà, u fuq il-Konklużjonijiet tal-15 ta’ Diċembru 2016 tal-Kunsill Ewropew, li tennew dik is-sejħa u wessgħuha għall-politika tal-UE dwar l-Ażil.
“Il-ħidma fuq il-proposti kollha li ressqet il-Kummissjoni Ewropea bil-ħsieb li ssir riforma fis-SEKA se tibqa’ għaddejja b’intensità matul il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-UE, kemm fil-livell politiku kif ukoll f’dak tekniku,” qal il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali ta’ Malta, Carmelo Abela.
“Irridu nimxu b’mod komprensiv, li jagħti kas tal-kuntest usa’ u tal-fatturi fil-proposti tas-SEKA li jibbilanċjaw l-affarijiet. Irridu wkoll inħarsu lil hinn mill-ażil, u nżommu f’moħħna li qed isiru sforzi b’rabta mad-dimensjonijiet differenti tal-migrazzjoni.”
Il-Kummissarju Avramopoulos qal li din kienet laqgħa eċċellenti, u li jinsab sodisfatt li l-prijoritajiet ta’ Malta għall-immigrazzjoni huma konformi ma’ dawk tal-Kummissjoni Ewropea.
Il-Ministri kellhom ukoll dibattitu ta’ orjentazzjoni dwar l-isfidi u l-opportunitajiet li jeżistu biex jittaffew ir-riskji għas-sigurtà minn nies li jaslu fit-territorju tal-UE b’mod irregolari, b’mod partikulari bl-użu tas-sistemi tal-informatika, li qed jissaħħu wkoll fir-rigward tal-qsim legali tal-fruntieri.