Intlaħaq qbil proviżorju bejn il-Presidenza Maltija u l-Parlament Ewropew dwar l-ikel u l-ilma.
Il-qbil huwa dwar ir-rwol tal-Unjoni Ewropea fi ftehim biex ikunu żviluppati soluzzjonijiet innovattivi għal provvista tal-ilma sostenibbli u l-immaniġjar tal-ikel fil-Mediterran.
Il-parteċipazzjoni Ewropea se tinkludi kontribut ta’ €220 miljun mill-programm Horizon 2020.
L-inizjattiva hija magħrufa bħala PRIMA (Partnership for Research and Innovation in the Mediterranean Area). Se tqarreb lejn xulxin ir-riżorsi finanzjarji u l-għarfien fost diversi pajjiżi li jipparteċipaw.
Bħalissa disa’ membri Ewropej qed jipparteċipaw: Ċipru, il-Ġermanja, il-Greċja, Spanja, Franza, l-Italja, il-Lussemburgu, Malta u l-Portugal. Jipparteċipaw ukoll sitt pajjiżi mhux Ewropej: l-Eġittu, il-Ġordan, Iżrael, Libanu, Marokk u t-Tuneżija.