Fl-aħħar sigħat il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, assigurat ftehim flimkien mal-Parlament Ewropew dwar regolament li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għall-Ażil. Din fil-fatt kienet waħda mill-prijoritajiet tal-Presidenza Maltija.
It-trasformazzjoni tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-Qasam tal-Ażil f’aġenzija Ewropea fis-sħuħija kollha tagħha, li hija element importanti għar-Riforma tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil.
Permezz ta’ dan il-ftehim tant mistenni, li jinkludi tnax-il kapitolu ta’ proposti, jfisser li ladarba tiġi konkluża l-parti teknika tal-ftehim, l-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Ażil (EASO) li huwa bbażat f’pajjiżna se jinbidel f’aġenzija li se tkun tista’ tieħu azzjoni biex toffri aktar sapport lill-membri stati Ewropej u tiffaċilità s-sistema Ewropea Komuni tal-Ażil magħrufa bħala CEAS.
Fil-kummenti tiegħu dwar dan il-ftehim, il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Michael Farrugia, qal “Din hija parti mill-isforzi tal-Unjoni Ewropea biex ikollha aġenzija ewropea għall-ażil li tista’ tirrispondi aħjar għall-isfida tal-immigrazzjoni irregolari u biex tirrifletti l-irwol imsaħħaħ tagħha fis-sistema Ewropea Komuni tal-Asil (CEAS) L-Aġenzija se tkun qed tassigura konverġenza f’dak li huwa assessjar tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali fil-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea u tipprovdi assistenza teknika u operattiva lill-membri stati.
Fl-aħħar sitt xhur, il-Presidenza Maltija żammet il-migrazzjoni u l-ażil bħala prijorità. F’dan il-kuntest, l-iżvilupp tas-CEAS kien ta’ importanza partikolari, bit-twaqqif tal-Aġenzija tal-UE għall-Ażil.
Wara dan il-ftehim maqbul bejn il-Presidenza Maltija u l-Parlament Ewropew, issa l-ħidma se tkun qed tkompli taħt il-Presidenza Estonjana biex il-ftehim jiġi finalizzat. Ftehim li jinkludi numru ta’ sfidi tekniċi. Biex imbagħad il-ftehim jiġi sottomess quddiem l-Ambaxxatturi tal-Unjoni Ewropea għall-approvazzjoni f’isem il-Kunsill.