Il-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea li bħalissa fi tmum tagħha hemm pajjiżna qed tkompli twassal għal aktar riżultati, dan hekk kif il-Ministri Ewropej qablu fuq numru ta’ miżuri ġodda li se jkunu qed jassistu lill-istati membri f’każijiet ta’ terroriżmu.
Id-Direttiva l-ġdida se tkun qed tippermetti infurzar fil-liġi biex l-awtoritajiet ġudizzjarji jkunu jistgħu jipprevjenu u jieħdu passi legali kontra individwi li jkunu qed jippjanaw attivitajiet terroristiċi. Dan ifisser li l-awtoritajiet tal-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea se jkollhom l-għodda neċċessarja biex jaddattaw għall-isfidi ġodda li qed iġib miegħu t-terroriżmu.
Ir-regoli l-ġodda jikkriminalizzaw numru ta’ atti, fosthom li ċittadin jsegwi taħriġ jew isiefer għal skopijiet terroristiċi. B’dan il-ftehim milħuq tul il-Presidenza Maltija, l-awtoritajiet se jkunu jistgħu jieħdu ukoll passi legali kontra persuni li jassistu persuni oħra biex isiefru f’pajjiż ieħor għal skopijiet terroristiċi.
Fil-kummenti tiegħu, l-Ministru Owen Bonniċi qal li b’dan il-ftehim, l-Unjoni Ewropea se tkun tista taffaċċja l-isfidi tat-terroriżmu, li aktar ma jgħaddi żmien aktar qed jiżdiedu, bl-aħjar mod. Huwa saħaq li b’dan il-ftehim l-Unjoni Ewropea qed twassal messaġġ ċar lil dawk li għandhom konessjonijiet terroristiċi, il-messaġġ li se jkunu qed jitwaqqfu milli jidħlu fil-pajjizi membri. “Iżda sigurtà mingħajr rispett lejn id-drittijiet fundamentali mhux aċċettabli, u għalhekk dawn ir-regoli l-ġodda se jkunu qed isaħħu ukoll d-drittijiet għal vittmi ta’ terroriżmu,” spjega l-Ministru.
Filfatt id-Direttiva isaħħaħ id-drittijiet ta’ dawn il-vittmi, u tinkludi ukoll numru ta’ servizzi li l-vittma huwa intitolat għalihom fosthom, li jingħata assistenza medika u psikoloġika immedjatament filwaqt li jirċievi assistenza legali.
It-tisħiħ fis-sigurtà kienet propju waħda mill-prijoritajiet tal-Presidenza Maltija. Dan ifisser li l-Presidenza Maltija qed tkompli tikseb aktar riżultati li jagħmlu differenza fil-ħajja taċ-ċittadini Ewropej.
Issa jmiss li din id-Direttiva tiġi ffirmata mill-Presidenza Maltija f’isem il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea flimkien mal-Parlament Ewropew biex imbagħad tiġi ppublikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u tidħol fis-seħħ 20 ġurnata wara.