Iċ-ċentru xellugi Zoran Milanovic rebaħ l-elezzjoni Presidenzjali fil-Kroazja, meta għeleb lill-konservattiva Kolinda Grabar-Kitarovic.
Milanovic – li kien Prim Ministru bejn l-2011 u l-2015 – wiegħed li se jiġġieled il-korruzzjoni u jfejjaq il-firda, u qal li r-rebħa tiegħu ġġib magħha t-tama.
Din l-elezzjoni saret fl-isfond ta’ elezzjoni Parlamentari skedata għal iktar tard din is-sena, kif ukoll jiem biss wara l-pajjiż ħa f’idejh il-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea mingħand il-Finlandja.
Il-kampanja rat liż-żewġ kontestanti jiffukaw l-iktar fuq in-nazzjonaliżmu biex jippruvaw jiġbru l-voti ta’ nies fuq l-estrem tal-ispettru politiku.
Dan is-sentiment jidher li influwenza wkoll il-prijoritajiet tal-Presidenza Kroata, hekk kif dawn jinkludu s-sigurtà u l-immigrazzjoni.
Tema li hija wkoll ta’ interess għal pajjiżna ukoll, iżda mhux l-unika waħda.
Fil-fatt is-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia stqarr li prijoritajiet oħrajn tal-Presidenza Kroata jaqblu wkoll ma’ dak li temmen Malta fosthom dwar it-tkabbir tal-familja Ewropea.
Dr Farrugia stqarr: “Il-Kroati għandhom aġenda tajba, ambizzjuza u viċin il-pajjiż Malti jiġifieri l-istess ambizzjonijiet li kellna aħna fosthom it-tkabbir tal-Unjoni Ewropea bħala pajjiżi u allura huma għandhom interess għax ħabba l-ġografija s-Serbja u l-Montenegro jinsabu viċin tagħhom.”
Prijorità oħra komuni bejn pajjiżna u l-Kroazja hija dik ta’ riżoluzzjoni b’mod ġust għall-budget Ewropew li jmiss. Iżda Dr Farrugia fisser kif dan il-qbil jista’ anke jkarkar sal-Presidenza li jmiss li se titmexxa mill-Ġermanja. Huwa sostna: “Wieħed jistenna issa li l-Presidenza Kroata teħodna lejn deal li jkun fair għal kull pajjiż membru stat. Jekk le jkunu l-Ġermaniżi li jgħalqu l-ftehim aħħari.”
Semma li f’din il-Presidenza finalment se jseħħ it-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea fl-aħħar ta’ Jannar – bil-Presidenza Kroata mistennija li tkun fuq quddiem fl-ewwel battuti dwar in-negozjati dwar ir-relazzjoni futura bejn iż-żewġ naħat.
Dr Farrugia saħaq li dan se jkun importanti għax se jolqot mhux biss il-familji Maltin u Għawdxin u l-familji Ewropej iżda anke n-negozji.
Innota wkoll li f’din il-Presidenza l-Kummissjoni Ewropea l-ġdida mmexxija minn Ursula von der Leyen trid tibda tagħti r-riżultati – fosthom dwar il-liġi l-ġdida dwar it-tibdil fil-klima.