Malta qed tħejji għall-Presidenza tal-Kunsill Ewropew bi programm ffukat fuq is-suq waħdieni, it-tkabbir ekonomiku, l-immigrazzjoni u l-Mediterran.
“Min-naħa l-oħra se nkunu qed nieħdu l-Presidenza fi żmien importanti, kif jibdew in-negozjati mar-Renju Unit, u għalhekk se tinżamm il-flessibiltà meħtieġa,” qal il-Prim Ministru, Joseph Muscat meta kien intervistat minn stazzjon Nazzjonali Fillandiż waqt il-festival Suomi Areena li għalih Malta kienet mistiedna tattendi u fl-istess ħin tippromwovi pajjiżna.
Il-Prim Ministru qal li r-Renju Unit għandha tkun sieħeb importanti tal-Unjoni Ewropea imma għandna titqies bħala pajjiż terz b’saħħtu.
“Nemmnu li tajjeb għal kulħadd li r-Renju Unit tingħata deal tajjeb, iżda dan għandu jkun inferjuri mill-vantaġġi li toffri sħubija sħiħa,” qal Joseph Muscat.
Il-Prim Ministru żied li r-relazzjoni bejn Malta u l-Fillandja hija waħda bejn żewġ pajjiżi żgħar wieħed fin-naħa ta’ fuq tal-Ewropa u l-ieħor fin-naħa ta’ isfel li għandhom influenza ħafna ikbar mill-pajjiż.
Huwa qal li t-turiżmu bejn Malta u l-Fillandja żdied b’87% fil-mija minn mindu bdew titjiriet diretti bejn iż-żewġ pajjiżi fl-aħħar tliet snin.