Rajt kummenti fil-ġurnali online dwar il-President li jħalluni bla kliem. Insulti, attribuzzjoni ta’ motivi ulterjuri, dispreżż ċar u tond u dan minħabba li qeda l-funzjoni tiegħu taħt l-Artiklu 90 tal-Kostituzzjoni. Wieħed jista’ ma jaqbilx mal-President, imma hemm limiti tal-prudenza. Jien mhux se niddejjaq ngħidha li waqt li rajt d-dikjarazzjoni tal-President u qbilt magħha kompletament, meta ġejt għall-parti “tal-liġi tan-neċessità” la fhimtha u lanqas naqbel magħha fiċ-ċirkostanzi. Liġi tan-neċessità kieku kellu jieħu deċiżjoni urgenti minħabba l-pandemija. Imma mhux meta fisser il-Kostituzzjoni sewwa, u kif kull espert kostituzzjonali fil-Commonwealth kien ifissirha.
Imma l-insulti u prattikament tgħajjir, jekk mhux ukoll kwazi li hu korrott, bdew ħerġin qishom tifħir u glorja.
Jekk tara hemmx liġi li tipproteġi dan, bħal ma hemm f’pajjiżi oħra, ma nsibu xejn, u dan ħtija tal-Partit Laburista fil-gvern. Fil-Ġermanja, fi Spanja, fl-Olanda (fejn hemm id-demokratiku Omzigt) u naturalment l-Italja fl-artiklu 278 tal-Kodiċi Kriminali tagħhom li jsemmi l-vipipendju (jew tmaqdir bla razan) tal-President tar-Repubblika għandhom liġijiet li jrażżnu din it-tip ta’ mġiba għax tmur kontra s-simbolu ewlieni tal-Istat.
Illum il-President tar-Repubblika jekk tinsultah u tmaqdru fil-qadi ta’ dmirijietu ma teħel xejn. Imma jekk tagħmel l-istess atti dwar pulizija allura hemm ligi li saħanistra ħraxet fil-piena tagħha. Taħt l-Artiklu 95 tal-Kodiċi Kriminali spiss ikun hemm kawżi ta’ din in-natura minħabba l-pulizija.
Taħt il-Liġi tal-Istampa qabel Kapitlu 248, kien hemm l-artiklu 5 speċjali fuq minn jinġurja u jagħti malafama lill-President tar-Repubblika. Jiddispjaċini ngħid li biex nidhru progressivi u liberali, dan l-artiklu sparixxa, u llum forsi wieħed jista’ remotament jargument li l-istess liġi tal-pulizija tapplika għall-President!
Mur ġib kieku għad kellna gvernatur, u t-Times tittanta tikteb editorjal fejn tistaqsi jekk il-President għenx lid-demokrazija jew le, meta ta rikonoxximent lill-partiti politiċi, u naturalment fi ftit kliem jgħid li mhux demokratiku. Dawn huma l-istess klikek li fl-imgħoddi (1981) kienu jgħidu li d-demokrazija trid mhux siggijiet u membri eletti imma kemm voti ġab il-partit bla l-ewwel preferenza.
Sinċerament nistenna li l-Parlament isewwi l-iżbalji li neħħa l-Artiklu 5 tal-Liġi tal-Istampa.