Davide Cachia ħa f’idejh it-tmun tal-Malta Triathlon Federation (MTF). Huwa ġie elett bħala l-President il-ġdid tal-Federazzjoni wara Laqgħa Ġenerali Straordinarja (LĠM) li saret aktar kmieni dan ix-xahar. Imprenditur ta’ suċċess li jaħdem fl-industrija tat-turiżmu, Cachia huwa wkoll triatleta li għandu snin ta’ esperjenza kompetittiva lokali u internazzjonali fid-distanzi kollha, minn Sprint sa Ironman.
Cachia jieħu postu bħala President tal-Federazzjoni wara sentejn ta’ sfida li bidlu kif l-isport kien immaniġġjat, pperċepit u pprattikat prinċipalment minħabba l-miżuri implimentati tal-Covid-19 li raw il-kalendarju annwali tal-avvenimenti mnaqqas drastikament. Minkejja dan, għadu jemmen li hemm ħafna potenzjal mhux sfruttat u l-Federazzjoni se tkun qed taħdem mill-qrib mal-kumplament tas-seba Clubs affiljati biex taħdem fuq pjan ta’ żvilupp ħolistiku li għandu l-għan li jolqot it-taqsimit differenti li jiffurmaw l-isport.
“Nemmen li l-isport huwa żvog mill-aqwa għan-nies u li l-Clubs se jkomplu jħaddnu l-ideali ta’ Friendly Sporting Clubs – grupp ta’ nies ta’ kull età li jridu jieħdu pjaċir, jissoċjalizzaw u jikbru flimkien bħala tim/klabb filwaqt li jgawdu l-isport tat-Triathlon.” ikkummenta Cachia. Żied jgħid li “l-Federazzjoni Maltija tat-Triathlon tixtieq tagħmel numru ta’ bidliet pożittivi fix-xhur li ġejjin” filwaqt li nnota li l-MTF hija mmexxija kollha kemm hi minn numru ta’volontarji.
Il-Federazzjoni, kompla Cachia, għadha impenjata fil-viżjoni tagħha li tiżgura li l-elementi varji kollha li jiffurmaw il-komunità lokali tat-triathlon qed jingħataw l-attenzjoni li jixirqilhom. Dan se jkopri t-taqsimiet tal-lelite, l-atleti żgħażagħ, u l-bqija tal-atleti dedikati li qatt ma jonqsu qatt milli jipparteċipaw fit-tlielaq lokali.
Hekk kif iċ-ċirkwit internazzjonali tat-triathlon reġa nfetaħ, il-Federazzjoni tittama li t-triatleti lokali jerġgħu jkunu qed jirrappreżentaw lil Malta u jagħtu t-tip ta’ riżultati li pproduċew it-triatleti Maltin fil-passat. Cachia saħaq li l-parteċipazzjoni internazzjonali hija essenzjali biex l-atleti Maltin itejbu l-prestazzjonijiet tagħhom.
L-akkademji huma l-futur tal-isport u Cachia wiegħed l-appoġġ tal-Federazzjoni lejn il-konsolidazzjoni tal-programmi ta’ żvilupp taż-żgħażagħ. Il-Federazzjoni stqarret li ser jgħatu l-aktar appoġġ possibli biex jinħoloq pjan fit-tul għall-isport.
Jingħaqdu ma’ Cachia fil-Kunsill huma Kevin Zammit, Karen Amato, u Dr John Vella bħala membri Eżekuttivi. Warren Muscat (Segretarju Ġenerali), Germaine Vassallo (Teżorier), u Dr Michelle Vella Wood (membru Eżekuttiv) żammew il-pożizzjoni attwali tagħhom fuq il-Bord.
Il-proċeduri tal-LĠM tmexxew mis-Segretarju Ġenerali tal-MTF Warren Muscat bis-Segretarju Ġenerali tal-Kumitat Olimpiku Malti Kevin Azzopardi preżenti sabiex jiġi żgurat li l-proċeduri, skont il-kostituzzjonijiet rispettivi, jkunu rispettati.