Joseph Scicluna, li hu nieqes mid-dawl, għal dawn l-aħħar xhur irnexxielu jaħdem b’passjoni u artistrija fuq presepju mhux komuni, li jinsab għall-wiri fis-sala tal-parroċċa ta’ Wied il-Għajn.
Anke jekk il-presepju twieled u hu assoċjat intrinsikament mal-ġrajja tan-Nattività, bil-maqlub, Joseph fassal dak tiegħu fuq l-aħħar jiem fil-ħajja ta’ iben Alla f’din id-dinja – il-ġrajjiet Bibbliċi li jirrakkontaw it-triq minn Ħadd il-Palm sat-tislib tiegħu fuq l-Għolja tal-Golgota u l-qawmien mill-mewt.
Minkejja inqas abbiltajiet minn ħaddieħor, Joseph Calleja jirnexxielu jirrakkonta l-avveniment kbir għall-Knisja Kattolika li qed jitfakkar din il-ġimgħa b’xeni mill-isbaħ fi spazju ta’ ftit metri kwadri.
Il-presepju jixhed ukoll fid-dettal kif il-ħajja xorta kompliet, waqt li Kristu kien qed jiġi kkundannat u msallab, bi ħwienet tal-merċa impenjati jbiegħu. Ma’ dan hemm ukoll ħabs fejn Kristu ġie flaġellat u mlibbes kuruna tax-xewk, waqt li artiġġjana jħejju s-salib u l-imsiemer li kellu jissallab bihom.
Il-pubbliku hu mħeġġeġ iżur dan il-presepju partikolari, flimkien ma’ esebiti oħrajn, kuljum bejn il-5:00 ta’ waranofsinhar u t-8:00 ta’ filgħaxija.