F’dawn iż-żminijiet bħal ħafna postijiet oħrajn, ir-Rabat Għawdex qed ikun mimli attività; b’bosta Maltin u Għawdxin imorru jixtru, jieklu jew jitpaxxew bit-tiżjin fi Triq ir-Repubblika.
Iżda dawk li żaru l-Kapitali Għawdxija f’dawn l-aħħar jiem, żgur li raw xi ħaġa mhux tas-soltu.
Nies lebsin ilbies ta’ elfejn sena ilu.
Din mhux moda ġdida, iżda Presepju b’differenza.
Il-komunità ta’ Nazzarenu fix-Xagħra Għawdex qed twassal il-messaġġ tal-ġrajja tal-Milied b’mod differenti din is-sena, fejn bosta personaġġi qed iduru postijiet varji fir-Rabat.
Maribel Bajada, waħda mill-organizzaturi tal-Presepju, spjegat aktar dwar din l-esperjenza.
Qalet, “Pasturi fir-Rabat huwa teatru sieket li jippreżenta l-ġrajja misterjuża tal-Milied f’xi toroq, ħwienet u ġonna tar-Rabat. Il-pasturi mimlija emozzjonijiet bla kliem ifittxu, jidħlu, jiġu u jimxu mal-bqija, magħna u ma’ dawk li jkunu jixtru għall-Milied.”
Dan il-presepju ra tnejn u għoxrin personaġġ li kienu f’żoni ewlenin fir-Rabat fosthom fi Pjazza San Ġorġ, fit-toroq prinċipali u anke f’xi wħud mill-istabbilimenti li fihom jiffrekwentaw ħafna nies.
Spjegat, “L-għan ta’ din ir-rappreżentazzjoni m’humiex immirati sabiex jiġbru ġemgħat madwar il-personaġġi imma biex bil-preżenza, bis-silenzju, bil-mixi u bl-emozzjonijiet tagħhom jitħalltu kemm jista’ jkun ma’ dak li jkun għaddej fir-Rabat, b’tali mod li min irid jara, jara, jimxi, jimxi u anke minn irid ifittex, ifittex.”