Fil-festi u f’garaxx f’Ħaż-Żabbar iltqajna ma’ Jean Pierre Mifsud li f’dan iż-żminijiet ta’ festi jkun fis-seba’ sema juri l-prespju li jagħmel kull sena.
Hu spjegalna kif ix-xogħol fuq il-presepju jibda mix-xhur tas-sajf.
Mifsud qal, “L-ewwel biċċa huwa li nħażżu fuq biċċa karta kif naf jiena, kif qed nimmagina u naħseb li ħa jsir għas-sena d-dieħla u minn hemm jibda l-proċess għall-ħabta ta’ Awwissu jew ftit qabel u nibda bil-grotta u dejjem indawwar ix-xogħol kollu għal magħha.”
F’dan il-presepju, flok i-grotta hemm għarix, li hija bħal kamra mwaqqa’ iżda bil-qasab fuqha.
B’passjoni liema bħalha urina ċertu dettalji fil-presepju li hemm pasturi l-ġmiel tagħhom.
Qalilna kif bil-presepju jista’ juri x-xena sabiħa u profonda tat-twelid ta’ Ġesù Bambin f’Bethlehem.
Hu stqarr, “Jien bdejt bi prespji żgħar, dawn li ngħidulhom aħna tad-djar. Imbagħad bdejt nagħmel il-prespju tiegħi d-dar ġo waħda mill-kmarar id-dar. Imma imbagħad minħabba ċirkostanzi differenti ma stajtx nibqa’ nagħmlu, ħriġt barra mid-dar u llum qed nesibih għan-nies li jixtieq jara l-presepju.”