L-ikbar presepju mekkanizzat f’pajjiżna juri l-istorja tan-natività fi spettaklu ta’ tletin minuta.
Dan il-presepju kbir huwa tal-aħwa Gino u Paul Borg minn Ħal Qormi li għal dawn l-aħħar tliet snin ħadmu sabiex jibnu l-ikbar presepju f’pajjiżna.
Filfatt is-sena l-oħra l-presepju ġie rikonoxxut bħala l-ikbar presepju statiku f’pajjiżna. Paul Borg qalilna li l-presepju mistenni jkun rikonoxxut ukoll bħala l-ikbar wieħed mekkanizzat. Huwa stqarr li l-presepju huwa twil 32 pied u fond 20 pied.
Paul stqarr li l-presepju ma joffrix spettaklu biss fi żmien il-Milied iżda jinfetaħ ukoll fi żmien il-Ġimgħa l-Kbira hekk kif juri wkoll il-Passjoni u l-irxoxt ta’ Sidna Ġesu’ Kristu.
Qal li “In-naħa tax-xellug naraw it-twelid u l-Milied. Jekk inħarsu lejn in-naħa tal-lemin se jkollna l-passjoni ta’ Sidna Ġesu’ Kristu għall-Ġimgħa l-Kbira.”
Paul Borg u ħuħ Gino rrakontaw kif min mindu kienu żgħar, dejjem kienu jagħmlu l-presepji li tagħhom ħadu bosta unuri.
Madankollu b’sogħba rrakkontaw kif dan il-proġett bdieh magħhom ħuhom Carmelo Borg li sfortunatament ma rax il-proġett tal-presepju jiġi fi tmiemu hekk kif ħalla din id-dinja fil-bidu tas-sena l-oħra. L-aħwa Borg saħqu li għalihom dan il-presepju huwa ta’ unur għall-familja.
Spjega kif “Aħna l-aħwa Borg delattanti ta’ kollox, tal-festa, tan-nar, u tal-Milied. L-ewwel ħaġa għandna, dejjem nieħdu l-ewwel konna qisu xi għaxar darbiet, f’kompetizzjonijiet nazzjonali.”
Il-Presepju fil-Ġnien de La Cruz f’Ħal Qormi għandu miftugħ għall-pubbliku sas-sitta ta’ Jannar.