Minn Ħal Luqa, dlonk qisek bħal issib ruħek fil-qalba tax-xatt tax-Xlendi.
Dan huwa dak li wieħed iħoss meta jżur il-presepju li l-Għaqda Mużikali Sant Andrija ta’ Ħal Luqa qed ittella’ taħt is-sede tagħha mal-ġenb tal-Knisja parrokkjali.
Dan il-presepju li jħaddan fih it-tradizzjonijiet u dak kollu li huwa Malti juri diversi aspetti mill-ħajja maltija tal-imgħoddi.
Tistħajlek qiegħed sorġut fuq dgħajsa, u tilmaħ il-pajsaġġ malti mżewweġ mal-bajja ta’ Xlendi ta’ xi mitt sena ilu. F’dan il-presepju dlonk wieħed jilmaħ xogħol mirqum ħafna fil-pasturi, xogħol Jesmond Micallef. Fost dawn insemmu l-mara għaddejja b’xogħolha taħdem il-bxiekel bil-qasab. Is-sajjieda u saħansitra il-bennej malti iqiegħed il-ġebel bil-pal, binja li llum il-ġurnata ħadet bixra oħra.
Ma tistax tonqos il-mara Maltija bl-għonnella, tigbed magħha lix-xbejba tagħha. Sant Andrija li huwa sinonimu ferm max-Xlendi ukoll sab postu f’dan il-presepju.
Jidher ukoll il-bejjiegħ tal-ħalib idur bil-mogħoż u l-gendus Malti. U biex jaqtgħu l-għabra hemm ukoll il-bexxiex tat-triq.
F’dan il-presepju, tiddomina wkoll l-għolja tas-Salvatur ta’ Marsalforn, li tibqa’ nieżla sal-Wied tal-Lunzjata fejn tiddomina il-binja tad-daħla tal-Wied. Tidher ukoll il-Knisja ta’ Pinu l-Antika li jingħad li Karmni Grima dehritilha l-Madonna u qaltilha biex din il-knisja ma titwaqqa qatt, fejn saħansitra għada teżisti sallum.
In-nattivita’ f’dan il-Presepju hija wkoll replika tal-pittura ta’ Ġużeppi Cali li tinsab fuq l-artal tat-twelid li jinsab fil-Knisja Parrokkjali.
Il-President tal-Għaqda Mużikali Sant Andrija ta’ Ħal Luqa tkellem magħna dwar il-ħsieb wara dan il-presepju.
Attard qal, “Ilna diversi snin intellgħu presepju b’xenarju differenti minn pajjiżna. Fosthom insemmi l-presepju fl-2017 konna għamilnieh fuq il-Belt Valletta li għadu jintrema sal-lum, fil fatt din is-sena qiegħed armat fil-Berġa ta’ Kastilja wkoll. Dan il-presepju kien armat ukoll f’Ruma kif ukoll fil-Parlament Malti.”
B’sodisfazzjon, wieħed mill-erba’ membri tal-Għaqda li ħadmu fuq dan il-presepju, rrakkuntalna dwar is-suċċess li kellhom barra minn xtutna.
Qal, “Kien fl-2020, ħarġet sejħa biex issir wirja fil-Museum of the Bible fl-Amerka, konna dħalna fl-eqqel tal-pandemija u morna u ntgħażel u ġie l-ewwel u se jibqa permanenti fil-Museum of the Bible fl-Amerka.”