Iltqajna f’maħżen fil-Marsa fejn bħalissa għaddejjin l-aħħar tħejjijiet biex jinbena presepju oriġinali li jittratta binjiet fil-Marsa, b’pasturi maħdumin ukoll fuq personaġġi u nies mill-Marsa stess.
Fost il-binjiet prinċipali, il-presepju se jkun imżejjen bl-inħażen tal-inbid li jinsabu fi Triq l-Għassara tal-Għeneb. Se jkun mogħni wkoll b’forn u ħanut tal-ħobż li jinsab f’inħawi oħrajn tal-Marsa, proprju fi Triq Isourd, fejn saħansitra fuq il-bejt tiegħu hemm ukoll gallinar u tip ta’ barumbara tal-ħamiem.
Insibu wkoll it-Tinda tal-Patata li tinsab ix-xatt, waqt li hu nkluż ukoll bar, armat eżatt kif kien ikun ħanut tax-xorb dari.
L-għar f’dan il-presepju hu dak bil-Madonna fih, in-niċċa magħrufa li tinsab fi Triq Diċembru Tlettax.
Alan Briffa li sibnih jagħmel l-aħħar irtokki fuq il-mudell tal-Knisja ta’ Ċejlu, li proprju tinsab fid-daħla ta’ fejn kienet il-power station l-antika, li għadu kif sarilha wkoll xogħol ta’ restawr.
Briffa żied jgħidilna li f’dan il-presepju se jkun qed jinkludi anke s-Salib tal-Marsa.
Fost il-persunaġġi fil-presepju se jinkludi wkoll lill-fundatur tal-MUSEUM, San Ġorġ Preca.
Briffa wkoll spjegalna li, matul din is-sena, qagħad iħarreġ entużjasti f’kors li sar apposta għal dawk kollha li jixtiequ li jibdew id-delizzju ta’ kif jinbena presepju.
Qalilna li l-ħsieb, li dan il-presepju maħdum fil-jablo se jkun qed jintrama fil-binja tal-Kunsill Lokali tal-Marsa, hu mnebbaħ mill-ewwel presepju li kien tella’ San Franġisk, 800 sena ilu, fi Greccio.
“L-ewwel għamilt wirja fil-Kunsill bil-presepji normali ngħidilhom jien. Imbagħad riedu wieħed peress li kienet is-Sena tal-Kultura fuq il-Marsa u din is-sena ridna nkabbruh xi ftit, għax kien naqra żgħir u għandna persunaġġi Marsin li ħa jkunu lkoll fih.”
Dan il-presepju se jkun għall-wiri fl-uffiċju tal-Kunsill Lokali tal-Marsa mit-12 ta’ Diċembru sas-7 ta’ Jannar.