L-eqdem presepju f’Malta kien inħadem fil-kunvent tal-patrijiet Dumnikani fir-Rabat fl-1617. Fil-monasteru tas-sorijiet Benedittini fl-Imdina għadna nistgħu naraw presepju li sar fl-1826. F’dan l-istess żmien inħadem ukoll l-ewwel presepju mekkanizzat f’Malta u kien sar minn Antonio Muscat Fenech f’Ħal Qormi. Dan kien jitħaddem bit-taqtir tal-ilma.
L-istil tal-presepju Malti oriġina mill-istil Sqalli iżda matul iż-żmien inbidel. Fil-bidu l-pasturi kienu tat-tafal u mlibbsin id-drapp waqt li l-presepju nnifsu kien tal-gagazza jew tal-ġebel. Illum jintużaw pasturi magħmulin mill-plastik u huma artistiċi ħafna. Il-presepji magħmulin bil-karta pesta huma tant realistiċi u apprezzati.
Fi żmien l-Ingliżi, il-presepji minbarra l-kartapesta bdiet tintuża il-gagazza, faħam maħruq u materjal ieħor. Il-pasturi, minbarra l-Bambin, Marija u San Ġużepp kien ikun hemm ħafna oħrajn li jirrappreżentaw il-ħajja Maltija speċjalment tal-irħula.
Fost il-persunaġġi kienu jdaħħlu: l-għannej, in-nissieġ, il-bidwi, taż-żaqq, tat-tanbur, taż-żavżava, is-sajjied, l-imgħaġġeb, tal-forn, ir-rieqed u oħrajn mill-ħajja maltija. F’dak iż-żmien daħlu pasturi magħmula mit-tafal u anke tax-xemgħa.
Bħala devot kbir tal-Misteru tal-Inkarnazzjoni Dun Ġorġ Preca kellu mħabba kbira lejn il-presepju. Kull Milied huwa kien jarma f’kamartu presepju mdaqqas biex jimmedita quddiemu fil-Ħamrun. Dun Ġorġ anki ried li, permezz tat-tfal li jattendu l-Oqsma tal-Museum, idaħħal id-drawwa tal-Presepju fost ħafna familji Maltin għax kien irid li s-soċji tiegħu jagħtu lit-tfal kollha qrib il-Milied, presepju jew grotta bil-Bambin. Drawwa li għadha ssir sal-ġurnata tal-lum.
Huma dawn l-affarijiet iż-żgħar li joħolqu l-ferħ veru tal-Milied u mhux il-ħafna materjaliżmu. Fil-verità, dawn l-affarijiet iż-żgħar jagħmlu fil-qalb affarijiet kbar. Wara kollox, il-presepji bħal Bambin, għandhom ikunu ċ-ċentru ta’ din il-festa.
Illum il-presepju għadu popolari f’Malta fejn anke jsiru kompetizzjonijiet għall-isbaħ presepji. L-Għaqda ħbieb tal-Presepju tara li din id-drawwa tal-presepju tkompli tfakkarna fit-twelid ta’ Ġesù u anke jagħmlu sessjonijiet ta’ taħriġ f’każini jew għaqdiet biex din it-tradizzjoni ħelwa ma tintilifx.