Il-preparamenti għall-ftuħ tal-logħob tal-pajjiżi ż-żgħar jinsabu għaddejjin ġmielhom.
Dan hekk kif għat-tielet darba, l-atleti Maltin mhux biss se jkunu qed jipparteċipaw f’dan l-avveniment, iżda pajjiżna se jkun qed jospitah.
ONE News tkellem mal-Kap Eżekuttiv ta’ Sport Malta, Mark Cutajar, li fisser kif xhur sħaħ ta’ ħidma se jilħqu l-kulminu tagħhom bejn id-29 ta’ Mejju u t-3 ta’ Ġunju.
Tul dawn il-ġranet, l-investiment li sar kemm fil-faċilitajiet kif ukoll fit-taħriġ tal-atleti, se jsarraf fi frott.
“Il-preparamenti kif tista’ timmaġina, fil-general headquarters tal-games, għaddejjin preparamenti kbar. Hawnhekk qegħdin fl-area, fejn il-media se tkun tista’ tagħmel l-intervisti lill-atleti, u anke se joħorġu wkoll il-konferenzi tal-aħbarijiet. Is-sular ta’ fuq hawnhekk ukoll, l-uffiċju organizzattiv tal-logħob, nixtieq nirringrazzja wkoll akkreditazzjoni, transport, mediċina, permessi, atleti, transport tal-atleti, transport ta’ dinjitarji, ċeremonji, biljetti għaċ-ċeremonji, biljetti tal-preżentazzjoni. Insomma tista’ timmaġina li hija xi ħaġa kumplessa.”
Atleti minn għaxar dixxiplini differenti se jkunu qed jikkompetu għat-titli rispettivi tagħhom.
Cutajar spjega kif 899 atleta se jkunu qegħdin jikkompetu għall-medalji, tad-deheb, tal-fidda u anke tal-bronż, fosthom 214 atleta Malti.
“Ħafna nies involuti, bil-voluntiera u l-entitajiet tal-Gvern kollha, għandna madwar 3,000 persuna. Kollha f’għaxar venues differenti, fi tliet lukandi kważi kollha mimlijin, allura hemm aspettattiva kbira, u l-kumplessità hija waħda kbira wkoll.”
Intant, dawk kollha li jixtiequ jsegwu dawn il-logħbiet, jistgħu jagħmlu dan mill-faċilitajiet stess, b’xejn, jew inkella fuq l-istazzjon ONE permezz tal-programm speċjali ‘Żona Sport Speċjali Malta 2023’, li se jkun qed jixxandar darbtejn kuljum.