Waqt li eluf ta’ Maltin u Għawdxin jinsabu lesti biex jiċċelebraw il-bidu tas-sena l-ġdida fi Pjazza San Ġorġ fil-Belt, eluf oħra fosthom turisti se jagħmlu dan f’xi restorant jew f’lukanda fejn jiġu servuti minn eluf ta’ ħaddiema.
Fl-aħħar jum tas-sena, crew ta’ ONE News żar lukanda ewlenija f’San Ġiljan, fejn stajna nosservaw mill-qrib it-tħejjijiet għall-ikla tal-lejlet u nhar l-ewwel tas-sena.
Malli rfisna fil-kċina tal-lukanda sibna attività kbira fejn bosta ħaddiema kienu qegħdin iħejju l-ikliet speċjali li jkunu ħejjew għall-klijenti li se jżurhom.
Ir-riħa tal-ikel fil-kċina qasmitilna qalbna bid-Direttur tat-taqsima tal-ikel u x-xorb tal-lukanda Westin Dragonara Jason Degiorgo jgħidilna li l-ħsieb wara l-attività jibda sa minn kmieni din is-sena.
Is-Sur Degiorgo fisser li “Il-preparamenti ovvjament jibdew minn l-għada ta’ New Year billi naraw kif morna din is-sena, il-feedback tal-klijenti. U ovvjament meta niġu close bħal-lum ikollna nservuhom.”
Waqt li l-kollegi sħabu kienu għaddejjin b’ħafna xogħol metikoluż fuq kull xorta ta’ ħelu, il-kok ewlieni tal-lukanda James Mifsud qalilna li hu u t-tim tiegħu jkunu ilhom xhur iħejju biex għal dan il-perjodu festiv.
Is-Sur Mifsud spjega: “Irridu naħsbu minn qabel pereżempju għad-dundjan għax jekk ma nixtruhx minn qabel ma nsibux fis-suq għax kulħadd ikun irid jixtri d-dundjan. Nixtru xi prodotti li mhumiex normali tixtrihom matul is-sena dak allura wkoll huma parti mill-preparamenti, inti tibbukkjahom u tixtrihom ħalli inti jiġu fil-ħin importantissimu.”
James tkellem magħna wkoll dwar l-ikel li jfittxu l-aktar il-Maltin. Huwa sostna: “Bħala dish li nagħmlu speċifiku għal dawn iż-żminijiet id-dundjan jiġifieri f’kull menu li jkollna li għandu x’jaqsam mal-Milied id-dundjan huwa parti mill-menu. Il-Maltin iħobbu jaraw dawn l-affarijiet, iħobbu jaraw bniedem iqattgħalhom frisk u jitfgħalhom fil-platt.”
Meta mistoqsi kif iħossu dwar il-fatt li hu u sħabu jkunu xogħol filwaqt li ħaddieħor ikun qed jixxala u jiddeverti, James ma qgħadx jomogħdha u qalilna min hu kok jaf li daż-żmien ma jistax jaħarbu. Huwa qalilna: “Li tkun chef u ma tkunx għax-xogħol ma tkunx involut f’dan iż-żmien ma naħsibx li jkun lokok f’dak il-post tax-xogħol. Però ħa ngħidlek il-verità kull min jagħmel dan ix-xogħol naf żgur li jagħmlu minn qalbu u naf żgur li x’ħin iqum filgħodu moħħu biex imur għax-xogħol għax hemm bżonn li ssir xi ħaġa.”