Hekk kif fadal biss jumejn biex tiftaħ il-Public Service Expo24, komplew il-preparamenti kbar għall-edizzjoni ta’ din is-sena ġewwa l-MFCC, Ta’ Qali. Wara s-suċċess miksub fl-ewwel edizzjoni s-sena li għaddiet, din is-sena qed isiru sforzi akbar biex il-pubbliku jkun jista’ jsegwi dak kollu li għandha x’toffri l-amministrazzjoni pubblika taħt saqaf wieħed.
Il-Public Service Expo24 se jkollha parteċipazzjoni mill-Ministeri kollha fosthom mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru, b’dipartimenti, direttorati u entitajiet jagħtu s-sehem tagħhom. Fl-Expo24 se jingħataw numru kbir ta’ servizzi mżewqa b’wirjiet, attivitajiet ta’ interess u kompetizzjonijiet.
Il-ħinjiet li l-Expo se tkun miftuħa għall-pubbliku huma dawn:
L-Erbgħa, 15 ta’ Mejju min-12.30 p.m. sas-7.00 p.m.
Il-Ħamis, 16 ta’ Mejju min-12.30 p.m. sas-7.00 p.m.
Il-Ġimgħa, 17 ta’ Mejju min-12.30 p.m. sal-5.00 p.m.
Is-Sibt, 18 u l-Ħadd, 19 ta’ Mejju mill-10.00 a.m. sal-4.00 p.m.
Id-dħul għall-pubbliku se jkun bla ħlas min-North Entrance tal-MFCC, fejn hemm spazju kbir allokat għall-parkeġġ. Għal din l-edizzjoni tal-Public Service Expo mistennija jattendu numru kbir ta’ familji.
Reġistrazzjoni għall-Expo tista’ ssir minn dan il-ħolqa elettronika https://pseregistration.gov.mt/registrazzjoni/ jew dakinhar stess mal-wasla tiegħek.
Kull min jixtieq aktar tagħrif għandu jsegwi l-paġni soċjali ta’ Facebook u Instagram tas-Servizz Pubbliku.