Il-Ħadd iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista se jerġa jiftaħ il-bibien tiegħu biex jilqa’ lil dawk kollha li jixtiequ jagħtu donazzjonali lill-Partit Laburista. Dan hekk kif matul il-ġurnata tal-Ħadd se tittella’ Maratona Ġbir ta’ Fondi b’risq il-Partit Laburista.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista, George Azzopardi semma kif f’kampanja elettorali, il-Partit Laburista jrid ikompli messaġġ pożittiv ta’ investiment fin-nies.
George Azzopardi tenna, “Għada l-Ħadd niġu fi tmiem it-tieni ġimgħa ta’ din il-kampanja elettorali. Qegħdin nagħmlu din il-Maratona Ġbir ta’ Fondi għal raġunijiet li kull minn qed jara l-Kampanja tagħna kulħadd jaf x’kampanja sabiħa u professjonali qegħdin nagħmlu u rridu nibqgħu għaddejjin b’din il-kampanja sal-aħħar propju sas-26 ta’ Marzu.”
Azzopardi qal kif l-attivitajiet ta’ għada se jibdew fl-għaxra u nofs ta’ filgħodu fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista. Imbagħad fit-tlieta u nofs ta’ wara nofsinhar jibda r-Rally Team Malta fil-Padiljun ta’ Kordin. Rally li se jkun indirizzat mill-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela.
Huwa qal, “Il-preparamenti għaddejjin biex għada se nibdew daqsxejn iżjed kmieni mis-soltu fl-10:30 nibqgħu għaddejjin sakemm ningħaqdu mal-Padiljun għall-Mass Rally imbagħad nerġgħu nkomplu wara l-Mass Rally; aħbarijiet, intervista imbagħad il-programm ta’ filgħaxija.”
Kemm fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista u kif ukoll fil-padiljun se jkun qed jittella’ spettaklu.
Il-Kap Eżekuttiv stqarr, “Ħa nkunu miftuħin ukoll u se nistiednu lill-pubbliku jingħaqad magħna wkoll biex ikun hawnhekk u jkun jista’ jgawdi x-show li se tkun għaddejja. Iżda aktar minn kollox jagħti l-kontribuzzjoni tiegħu.”