Il-Prim Ministru Joseph Muscat ingħata l-premju ta’ eċċellenza mill-Business Forum Indjana Ewropea għar-riżultati miksuba minn pajjiżna fil-qasam ekonomiku, u bħala rikonoxximent tal-ħidma għar-relazzjonijiet u investiment bejn Malta, l-Indja, l-Ewropa u r-Renju Unit.
Dan sar waqt okkażjoni fil-House of Lords, fil-Bini tal-Parlament Ingliż f’Westminster, Londra.
Fid-diskors tiegħu, Dr Muscat qal li r-riżultati li kiseb pajjiżna fl-ekonomija ma seħħewx b’kumbinazzjoni iżda seħħew għax kien hemm pjan u viżjoni ċara.
Il-Prim Ministru spjega kif minkejja li pajjiżna naqqas it-taxxi sena wara sena, minkejja li ta żieda fil-pensjonijiet għar-raba’ darba konsekuttiva, minkejja li żied iċ-children’s allowance għall-ewwel darba wara numru ta’ snin, pajjiżna xorta waħda rnexxilu jirreġistra surplus.
Joseph Muscat semma’ wkoll kif f’dak li għandu x’jaqsam ma’ dejn, pajjiżna biddel ir-rotta, filwaqt li fil-qasam tax-xogħol għandna prattikament full-employment.
Għal din is-serata kienu preżenti imprendituri ewlenin Indjani, li numru minnhom bdew jinvestu f’pajjiżna jew għaddejjin f’taħdidiet biex ikollhom preżenza f’pajjiżna wara Brexit.