Tħabbar premju ta’ sittin elf ewro għall-proprjetà intellettwali, bl-isem ta’ Malta Intellectual Property Award.
Il-premju, li tnieda mill-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej, u Artijiet Silvio Schembri, huwa mmirat sabiex jirrikonoxxi u jippromwovi l-ħolqien tal-proprjetà intellettwali f’Malta, fosthom privattivi, trademarks, u disinji rreġistrati li jipprovdu lin-negozji, l-artisti, u l-inventuri b’mezzi sabiex jipproteġu l-prodotti u l-kreazzjonijiet tagħhom.
Fl-istess waqt, jiġu mħeġġa jinvestu fl-innovazzjoni u l-kreattività bħala benefiċċju għas-soċjetà. It-tema ta’ din is-sena tiffoka aktar fuq iż-żgħażagħ, u minn dawn il-fondi se jiġu allokati tnax-il elf ewro għall-Emerging Innovation Initiative, li hija mmirata għall-inventuri bejn is-16 u 30 sena.
Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Schembri tkellem dwar l-importanza tal-privattivi, tat-trademarks, u tad-disinji rreġistrati.
Qal, “Aħna qed naraw, u aktar minn hekk ninkoraġġixxu, biex dak li jkun, ikun qed joħloq prodott innovattiv. L-ewwel nett jirreġistrah, biex b’hekk hu jkun hu sid ta’ din l-idea u għalhekk din l-idea ma tkunx tista’ tinsteraq mingħajr ma jingħata ħlas xieraq għal dik l-idea li tkun inħolqot.”
Il-Ministru Schembri qal li studji Ewropej urew kif kumpaniji li jipproteġu l-proprjetà industrijali tagħhom għandhom bħala medja dħul ta’ 20 fil-mija ogħla minn ta’ kumpaniji li ma jagħmlux dan.
Barra minn hekk, il-pagi mħallsa minn sidien ta’ privattivi, trademarks, jew disinji rreġistrati huma bħala medja 19.3 fil-mija ogħla minn dawk imħallsa minn ditti li m’għandhomx dawn id-drittjiet.