Id-dentista Ethel Vento Zahra ngħatat Rikonoxximent għal Servizz ta’ Livell Għoli Ħafna, hekk kif minkejja d-diffikultajiet li affaċċjat tul l-aħħar xhur, baqgħet tagħmel ħilitha kollha biex twassal l-aqwa servizz possibli lill-klijenti fil-qasam tas-saħħa waqt il-pandemija.
Dan ingħata waqt serata ta’ rikonixximent fi tmien il-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku ta’ din is-sena.
Hawn ingħata premju speċjali lill-frontliners tal-Isptar Mater Dei għax-xogħol siewi li sar matul il-pandemija, inkluż il-programm ta’ vaċċinazzjoni.
Il-Ministeru għal Għawdex ingħata l-premju bħala l-aktar ministeru li wettaq miżuri ta’ simplifikazzjoni matul is-sena li għaddiet, waqt li l-Ministeru għall-Finanzi ġie ppremjat talli wettaq il-miżuri ta’ simplifikazzjoni li l-aktar laqtet nies.
Il-Ministeru għall-Enerġija ngħata l-premju bħala l-aktar ministeru li ppjana ħidmietu tajjeb u wettaq l-akbar numru ta’ miżuri.
Il-President ta’ Malta George Vella faħħar il-miżuri favur l-ambjent, hekk kif is-settur pubbliku qed ikun minn tal-ewwel fil-pajjiżli qed ibiddel il-flotta tal-vetturi tiegħu għal dawk moderni.
Qal ukoll li din l-okkazzjoni sservi bħala turija ta’ rispett u ta’ apprezzament lill-membri kollha tas-Servizz Pubbliku.
Il-Kap taċ-Ċivil Mario Cutajar semma kif din il-ġimgħa kienet opportunità fejn ġie diskuss ix-xogħol li sar s’issa u x’ser ikun qed iseħħ fil-ġejjieni.
Cutajar qal ukoll kif is-Servizz Pubbliku jirrikonoxxi lil dawk li jkunu innovattivi, lil dawk li pjpjanaw u wettqu u lil dawk li bil-ħidma tagħhom għamlu differenza fil-ħajja tan-nies.