Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat nieda għal sena oħra l-Premju Soċjetà Ġusta, li huwa ċelebrazzjoni tal-ħidma, l-impenn u d-dedikazzjoni ta’ diversi individwi fis-settur tad-diżabbilità.
Is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru Nancy Caruana, spjegat kif il-Bord ta’ Evalwazzjoni se jkun qiegħed jilqa’ nominazzjonijiet għal 3 premjijiet; Premju għal Ħidma għat-Tisħiħ tal-Inklużjoni, li jirrikonnoxxi lil dawk l-għaqdiet volontarji li permezz tal-ħidma tagħhom xprunaw soċjetà aktar inklussiva; Premju għal Kisba tul il-Ħajja fis-Settur tad-Diżabbiltà, li jirrikonoxxi individwu li bi sforz eċċezzjonali u kisba matul perjodu sinifikanti, ħalla marka pożittiva fuq is-settur; kif ukoll Premju Soċjetà Ġusta, premju li jirrikonoxxi individwu b’diżabbiltà li juri kwalitajiet li permezz tagħhom għamel jew għamlet differenza kbira u pożittiva f’dan is-settur.
“Premju Soċjetà Ġusta – ċelebrazzjoni tal-ħidma, l-impenn, u d-dedikazzjoni ta’ diversi individwi fis-settur tad-diżabilita’. Persuni jew għaqdiet volontarji li qed jagħtu sehemhom fis-settur tad-diżabiltà jistgħu jiġu nominati f’dawn it-tlett kategoriji.”
Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia Portelli enfasizzat l-importanza ta’ dan il-premju bħala prova tal-impenn tal-komunità lokali favur l-inklużjoni, b’dan ir-rikonoxximent huwa riflessjoni tal-isforz kollettiv biex tinbena soċjetà fejn kulħadd huwa rispettat u inkluż.
“Dan il-premju huwa ċelebrazzjoni tal-ħidma straordinarja ta’ persuni b’diżabiltà jew inkella għaqdiet li jaħdmu f’dan is-settur. Irridu naraw li dan il-premju jfakkar lil dawk il-persuni u l-messaġġ b’saħħtu li s-soċjetà tkun qiegħda tirċievi lill-ħidma ta’ dawn il-persuni tkun verament rikonoxxuta fuq bażi ta’ nazzjon.”
Wieħed jista’ jsib is-sett ta’ linji gwida u l-formola tan-nominazzjoni fuq is-sit tal-Ministeru u tista’ tintbagħat permezz ta’ email fuq skemi.miv@gov.mt , jew inkella tintbgħat bil-posta fl-Uffiċċju tal-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat f’Ħal Lija.
L-applikazzjonijiet jagħlqu nhar il-Ġimgħa, 30 t’Awwissu 2024 f’nofsinhar, bl-applikazzjonijiet li jaslu wara d-data tal-għeluq ma jiġux kkunsidrati.
Is-serata tal-premjazzjoni se ssir nhar is-Sibt 4 ta’ Ottubru 2024, taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono.