Għall-ewwel darba f’Għawdex, ittellgħet serata li fiha ġew ippremjati il-ħiliet, id-dedikazzjoni u l-bżulija tal-ħaddiema Għawdxin li jaħdmu fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex.
L-għan ta’ dan il-premju jmur lil hinn mis-sempliċiment għoti ta’ premju lill-persuna li tkun giet nominata. Din iċ-ċerimonja tal-għoti tal-premju tissimbolizza, turi u tippremja t-tħabrik tal-ħaddiema fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex. Il-Ministeru għal Għawdex huwa ferm konxju mill-fatt li biż-żmien, ix-xogħol fi ħdanu żdied, u żdiedet ukoll ir-rieda li l-impjegati jkunu rikonoxxuti għall-ħiliet, għall-ħidma u għall-impenn li jinvestu f’xogħolhom. Dan jinkludi fih mhux biss l-impenn waqt il-ħin tax-xogħol, iżda wkoll l-imġiba u l-karattru tal-persuna li ġiet nominata waqt u wara l-ħin tax-xogħol.
Is-serata ppremjat ħaddiema minn diversi taqsimiet li kienu nominati f’kategoriji differenti minn kollegi sħabhom. B’kollox kien hemm 48-il nomina. Dawn in-nominazzjonijiet waslu minn fost is-seba’ direttorati, flimkien mal-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, u l-Uffiċċju taċ-Chief Information Officer. Premjazzoni oħra onorat lil persuna li pparteċipat fil-Community Workers Scheme, liema skema tat opportunità lil diversi individwi juru x’ħiliet jistgħu joffru u jippreparawhom għad-dinja tax-xogħol.
Il-Premju għall-Aqwa Ħaddiem tas-Sena mill-Community Workers Scheme intrebaħ minn Clayton Rapa.
Is-Sur Lorry Apap, Assistant Direttur, rebaħ il-premju fi ħdan il-Direttorat għall-Proġetti u Żvilupp li fih kien hemm 12-il nomina.
Ir-rebbieħ tal-Ħaddiem tas-Sena fi-Direttorat ta’ Eko-Għawdex kien is-Sur Teddy Mizzi. F’dan ir-Direttorat ġew innominati 4 ħaddiema.
Dr.Angele Xerri Agius rebħet l-unur tal-Ħaddiem tas-Sena fi ħdan id-Direttorat għall-Implimentazzjoni ta’ Programmi.
Id-Direttorat Ġenerali kellu l-ikbar ammont ta’ nomini, 14 b’kollox u r-rebbieħ ta’ dan id-Direttorat kien is-Sur Philip Domenic Sammut.
Is-Sinjorina Georgina Mizzi ġiet ippremjata bħala l-Ħaddiem tas-Sena għad-Direttorat tas-Servizzi Korporattivi.
Is-Sur Michael Bajada ġie ppremjat għall-ħidma u dedikazzjoni tiegħu fi ħdan id- Direttorat għas-Servizzi tal-Klijent.
Is-Sur Christopher Attard, impjegat fl-uffiċċju tas-CIO u s-Sinjorina Karen Buttigieg fl-uffiċċju tas-Segretarju Permanenti rebħu l-unuri rispettivi.
Ir-rebbieħ tad-Direttorat għat-Turiżmu u Żvilupp Ekonomiku kien is-Sur Joseph Cauchi.
Fost ir-rebbieħa rispettivi, intgħażel ir-rebbieħ tal-Premju Ħaddiem ta-Sena tal-Ministeru għal Għawdex. Il-bord tal-għażla nnota kif il-persuna magħżula għal dan il-premju għandha karattru motivat, bi snin ta’ esperjenza fil-qasam tax-xogħol, u mħallat u kkulurit minn sens ta’ inizjattiva u altruwiżmu.
Ir-rebbieħ tal-Premju Ħaddiem tas-Sena fost il-finalisti kien is-Sur Michael Bajada.
F’diskors li għamlet, il-Ministru Justyne Caruana semmiet kif l-aqwa riżors li għandu l-Ministeru għal Għawdex huwa l-ħaddiem. “Irrelevanti mill-grad li wieħed jew waħda tinsab fih, kulħadd għandu kontribut x’joffri biex Għawdex u l-Għawdxin jibqgħu mixjin ’il quddiem u tkompli titjieb il-kwalità ta’ ħajja li ngħixu,” qalet il-Ministru Caruana.
Hija inkoraġġiet lil ħaddiema biex ilkoll flimkien, bħala team wieħed, inkomplu nżidu mar-ritmu li diġà beda jirranka biex isiru t-tibdiliet u jittieħdu l-aħjar d-deċiżjonijet biex tiġi mwettqa l-viżjoni li għandu l-Gvern għal gżira Għawdxija. “Bħal Tim Għawdex irridu inkomplu naħdmu flimkien biex gżiritna tkompli tifjorixxi u tattira lejha aktar xogħol, viżitaturi u ġid li minnu jgawdu l-Għawdxin kollha,” qalet Justyne Caruana. Il-Ministru għal Għawdex għalqet id-diskors tagħha billi rringrazzjat lill-ħaddiema kollha li jiffurmaw il-Ministeru għal Għawdex u fakkrithom li dan l-avveniment ser ikun wieħed annwali fil-kalendarju bieżel li għandu l-Ministeru għal Għawdex.