Fetħu l-applikazzjonijiet għall-Premju tal-President għall-Kreattività 2016 – fond b’element soċjali u komunitarju qawwi.
It-tnedija saret waqt li ntwerew xogħlijiet ta’ żgħażagħ li joqogħdu fil-Youth Residence tal-isptar Monte Karmeli. Il-proġett tagħhom ingħata l-Premju s-sena li għaddiet, jgħaqqad it-terapija u l-kreattività filwaqt li jiffaċilita l-espressjoni, ta’ dawn iż-żgħażagħ, kif ukoll l-interazzjoni bejniethom u fis-soċjetà.
Il-Premju tal-President għall-Kreattività jsir bil-għan li jindirizza u jirrikonoxxi stituzzjonijiet immirati lejn il-ħtiġijiet soċjali u l-wellbeing tal-komunitajiet u tas-setturi l-iktar vulnerabbli.
Din is-sena hemm €65,000 allokati għal dan il-Premju. Kull proġett li jiġi magħżul jista’ jirċievi sa massimu ta’ €6,000, bil-possibbiltà ta’ €8,000 f’każ ta’ kollaborazzjoni bejn żewġ organizzazzjonijiet. Il-Premju jista’ jkopri sa 100% tal-ispejjeż eliġibbli tal-proġett. Is-sena l-oħra, kien hemm 40-il sottomissjoni li minnhom intgħażlu 11-il proġett.
Il-Premju tal-President għall-Kreattività huwa marbut mal-implimentazzjoni tal-miri tal-Kunsill hekk kif imfassla fl-Istrateġija2020, b’enfasi partikolari fuq il-ħolqien ta’ aktar opportunitajiet biex in-nies jinvolvu ruħhom aktar fil-ħajja kreattiva.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Stefan Buontempo qal li l-arti u l-kultura huma fil-qalba ta’ ekonomiji b’saħħithom.
Marie-Louise Coleiro Preca, President ta’ Malta, qalet li kull sena tikkonferma kemm hemm kapaċità, dedikazzjoni u determinazzjoni f’tant u tant Maltin.
L-applikazzjonijiet jibqgħu jintlaqgħu mill-Kunsill Malti għall-Arti sal-20 ta’ Lulju f’nofsinhar. Il-linji gwida, ir-regolamenti u l-formola tal-applikazzjoni jistgħu jitniżżlu minn http://artscouncilmalta.org/funds/il-premju-tal-president-ghall-kreattivita.
Mario Saliba hija charge nurse filwaqt li Simone Inguanez kellmitna f’isem il-Kunsill Malti għall-Arti.
https://www.youtube.com/watch?v=nXYFvExOh4o