F’pajjiżna l-arti dejjem tispikka, u biex tkompli tkun rikonoxxuta l-ħidma tal-artisti, se tittella’ r-raba edizzjoni tal-Premji tal-Arti.
Fit-Teatru Manoel ingħataw dettalji dwar in-nominazzjonijiet tal-premji għas-sena elfejn u wieħed u għoxrin, li b’differenza mis-snin ta’ qabel, se jkunu ffukati fuq żewġ aspetti li għandhom x’jaqsmu mal-kreattività tul il-pandemija.
Christabel Catania, li qed tamministra dan il-proġett, spjegat kif f’din l-edizzjoni, il-pubbliku jista’ jinnomina l-iżjed żewg proġetti artistiċi li laqtuh.
Qalet kif, “L-ewwel premju huwa għall-aqwa inizjattiva waqt l-Covid-19 u l-premju għall- aqwa produzzjoni fejn ħa nkunu qed nipremjaw inizjattivi, forsi ħolqien ta’ pjattaformi ġodda, forsi proġetti li ħadu xejra differenti”
Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti, Albert Marshall, stqarr li dawn il-premji huma mod kif jintwera apprezzament lejn ħidmet l-artisti, li wrew reżiljenza minkejja l-isfidi tal-imxija.
Spjega kif, “Imma minkejja dan, kulħadd ħass l-uġigħ finanzjarju u allura ħsibna biex apparti l-mural u r-rettorika, wieħed iqiegħed idu fil-but u allura jgħin lil dawn l-artisti li bgħatew finanzjarjament.”
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali u l-Arti Josè Herrera rrimarka kif il-Gvern ħa inizjattivi ta’ sostenn għall-ħaddiema f’dan is-settur, u fil-ġimgħat li ġejjin se jitħabbru aktar skemi t’għajnuna.
Qal li, “Għandek pereżempju l-għajnuniet fuq is-salarji li aħna qed nagħtu u aħna ninsistu sabiex l-ħaddiema jieħdu l-massimu minn dawn l-benefiċċji.”
In-nominazzjonijiet għall-Premji tal-Arti se jintlaqgħu sal-ħdax ta’ Jannar u r-rebbieħa jitħabbru fis-sebgħa ta’ April tas-sena d-dieħla.