Għall-ewwel darba fil-jum iddedikat għall-annimali ttellgħet serata ta’ premjazzjoni għall-annimali u dawk li bl-aġir tagħhom tul is-sena jipproteġuhom u jieħdu ħsiebhom.
Għal din is-serata kien hemm preżenti mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela li stqarret kif din ma kinitx biss attività kosmetika iżda waħda sinifikattiva.
Qalet, “L-okkażjoni tal-lum mhux biss ċerimonjali, mhux biss kosmetika iżda hija waħda sinifikattiva, dik li qed nibgħatu sinjal ċar, dik li l-annimali għandhom ikunu parti integrali mill-ħajja tagħna.”
Tul is-serata ingħataw bosta premji lil persuni differenti li bl-irwol differenti tagħhom b’xi mod għenu sabiex l-annimali f’pajjiżna jkunu protetti.
Dan filwaqt li ngħataw premjijiet lill-annimali wkoll li b’xi mod jew ieħor jkunu taw servizz kbir lill-bniedem. Ingħataw ukoll numru ta’ premjijiet speċjali.
Fost l-oħrajn Dr Lydia Abela tat premju speċjali lil Jake Vella li permezz ta’ għawma li għamel ġabar somma sabiħa lis-santwarju AAA.
Il-Ministru għad-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo stqarr kif il-Ministeru ħass il-bżonn li għall-ewwel darba tkun organizzata din iċ-ċerimonja anke bħala ringrazzjament għax-xogħol kbir li qed isir fil-qasam minn persuni differenti.
Spjega, “Hija importanti li ssir, l-ewwel nett biex nirrikonoxxu x-xogħol kbir li għamlu l-NGOs il-voluntiera u l-ħaddiema tad-dipartiment f’dan il-qasam u it-tieni nett biex ngħidu grazzi lil annimali li jġibulna tant ferħ fil-familji tagħna.” Intant il-ġurnalista ta’ ONE News Kimberley Portelli ġiet fit-tieni post għall-unur ta’ stejjer fl-aħbarijiet bit-tema tal-annimali