Tlett atleti u tlett professjonisti li jassistu l-Ispecial Olympics Malta ġew ippremjati bi premjijiet rikonoxxuta internazzjonalment għal ħidma li huma wettqu.
Dan kien parti mill-programm internazzjonali, magħruf bħala l-Golisano Healthy Athlete, fejn podoloġista, dentista u fiżjoterapista ġew rikonoxxuti għax-xogħol li wettqu bħala diretturi kliniċi minn Special Olympics International. Id-diretturi kliniċi li ġew rikonoxxuti għal ħidma tagħhom kienu Omar Schembri, Sharon Grech Camilleri u Gabriella Gatt.
It-tliet atleti ġew ippremjati għall-isforz li huma wettqu billi jżidu l-għarfien dwar is-saħħa fiżika u nutrittiva fost l-oħrajn. L-atleti kienu Gilmore Borg, Sam Micallef u Rachel Chircop.
Fiċ-ċerimonja ta’ premjazzjoni kien hemm mart il-Prim Ministru u l-President ta’ Special Olympics, Dr Lydia Abela fejn innotat l-impenn tal-atleti u l-professjonisti.
Qalet, “Illum kellna avveniment speċjali fejn onorajna persuni li sejjaħnielhom ‘outstanding’ għal fatt li bl-impenn tagħhom, fil-ħidma tagħhom qed jagħmlu differenza fil-ħajja ta’ nies oħrajn. Kellna l-premjazzjoni ta’ tliet atleti li dawn sejjaħnilhom messaġġiera li qegħdin jippromwovu l-isport u jitkellmu dwar l-inklużjoni u allura illum onorajniehom.”
Id-Direttur Nazzjonali ta’ Special Olympics Malta Anna Calleja stqarret kif din il-premjazzjoni turi biċ-ċar l-altruiżmu u d-dedikazzjoni tal-atleti kif ukoll tal-professjonisti li jgħinu lil Special Olympics Malta.
Barra minn hekk bħalissa għaddejjin il-preparamenti għal-logħob ta’ Special Olympics f’Mejju li ġej, f’pajjiżna.
Spjegat, “Kif kulħadd jgħid kienet ħolma mhux biss għalija imma għal ħafna ġenituri, eluf ta’ ġenituri li dejjem ħolmu li jaraw lil uliedhom jikkompetu u din il-ħolma ser isseħħ. Jiġifieri fir-realtà ser nagħmlu ħafna nies kuntenti. Ser ikun hawn tnejn u għoxrin pajjiż hawn Malta, fosthom il-Maltin li ovvjament ser jikkompetu. Qed inħares ’il quddiem sabiex dan ikun messaġġ lil poplu kollu ta’ inklużjoni.”