Sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali nhar il-Ġimgħa li għaddiet ħolqot preċedent dwar ir-riskji li jitqanqlu meta ssir inkjesta pubblika b’mod parallel ma’ proċeduri kriminali dwar l-istess każ.
Din is-sentenza hi meqjusa minn esperti legali li tkellmu mal-gazzetta KullĦadd bhala eye-opener dwar il-konsegwenzi legali serji li jistgħu jitwieldu meta ssir inkjesta pubblika fl-istess nifs li jkunu għaddejjin proċeduri ta’ natura kriminali kontra persuni investigati, indizzjati jew saħansitra akkużati fil-Qorti.
Dan fid-dawl ta’ talba mill-Oppożizzjoni sabiex minnufih issir inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, u dwar jekk dan l-omiċidju setax jiġi evitat.
Il-Gvern dejjem saħaq li m’għandux oġġezzjoni li ssir inkjesta pubblika, iżda tali inkjesta pubblika m’għandha qatt issir pari passu ma’ proċeduri kriminali pendenti dwar l-istess każ. Il-Gvern għandu pariri kemm mill-Avukat Ġenerali u kif ukoll avukati barranin dwar dan il-punt.
Id-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali ta’ nhar il-Ġimgħa turi b’mod ċar il-konsegwenzi legali li jistgħu jitwieldu mill-fatt li inkjesta pubblika ssir pari passu ma’ proċeduri kriminali. Konsegwenzi li fl-aħħar mill-aħħar huwa mifhum li jsaħħu id ta’ min hu akkużat fil-Qorti.
Nhar il-Ġimgħa l-Qorti ddikjarat li n-negozjant u eks ċermen tal-Enemalta Tancred Tabone, akkużat b’korruzzjoni b’rabta mal-iskandlu taż-żejt, kellu drittijiet fundamentali tiegħu miksura meta fuq il-każ tiegħu sar proċess pubbliku quddiem il-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi, il-PAC.
Quddiem il-Qorti, Tabone huwa akkużat bi frodi u ħasil ta’ flus. Iżda, fid-dawl li fuq affarijiet marbutin mal-iskandlu taż-żejt kien sar ukoll rapport tal-Awditur Ġenerali fl-aħħar snin kien intalab jixhed quddiem il-PAC. Il-PAC jieħu l-forma ta’ inkjesta pubblika u Tancred Tabone, permezz tal-avukati tiegħu, argumenta li l-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi, il-Ministru Owen Bonnici u l-eks ċerpersin tal-Alternattiva Demokratika, Arnold Cassola, kissru d-drittijiet tiegħu b’kummenti li għamlu meta hu għadu akkużat. Fil-każ ta’ Cassola r-riferenza kienet għal kummenti li għamel f’Xarabank.
B’rabta mal-każ quddiem il-PAC, il-Qorti mhux biss irreferiet għal mod kif tkellmu n-nies involuti imma wkoll għal mod kif il-midja rapportathom. Id-deċiżjoni ta’ nhar il-Ġimgħa kienet it-tieni waħda għax f’dan il-każ il-gvern kien qed jappella mill-ewwel sentenza li wkoll tat raġun lil Tancred Tabone.
Il-Qorti Kostituzzjonali qalet hekk: “Is-sejbien mill-ewwel qorti ta’ ksur tad-dritt tal-attur ma kienx relattiv għall-proċess kriminali iżda għax l-istqarrijiet magħmula dwaru jistgħu jwasslu biex, f’għajnejn il-pubbliku, jitqies ħati qabel tingħata s-sentenza minn qorti kompetenti”.
Fost id-dikjarazzjonijiet li kien hemm ilment għalihom kien hemm mistoqsijali għamel il-Ministru Bonnici, dak iż-żmien Segretarju Parlamentari. Fosthom Bonnici kien staqsa hekk lil George Farrugia, il-bniedem li ngħata maħfra b’rabta mal-iskandlu taż-żejt: “Allura, Sur Farrugia, inti f’liema mument intbaħt li s-Sur Tabone kien involut f’xi ċirku ta’ korruzzjoni?”.
Il-Qorti qalet li li din il-mistoqsija fiha asserzjoni ta’ fatt u għalhekk il-Qorti sabet din il-mistoqsija bħala waħda li tikser id-drittijiet ta’ Tancred Tabone. Din id-deċiżjoni ħaduha l-Prim Imħallef Joseph Azzopardi, l-Imħallef Giannino Caruana Demajo u l-Imħallef Noel Cuschieri.
Fl-aħħar xhur kien hemm talbiet mill-PN u l-familja ta’ Caruana Galizia biex issir inkjesta pubblika. Il-Gvern kien fakkar li fis-sistema ġuridika tagħna, meta jseħħ reat bħal dak tal-omicidju ta’ Daphne Caruana Galizia millewwel jiskattaw żewġ tipi ta’ investigazzjonijiet, waħda mill-Pulizija u l-oħra mill-Maġistrat Inkwerenti. Il-poteri ta’ Maġistrat Inkwerenti huma wiesgħa u mifruxa.
Il-gvern kien iddikjara wkoll li hu fundamentali li jiġu evitati sitwazzjonijiet jew deċiżjonijiet li jippregudikaw l-investigazzjonijiet kriminali li jinsabu għaddejja: “Ma hemm xejn li jeskludi xi tip ta’ inkjesta oħra fi stadju ulterjuri sakemm ma jiġix arrekat dan il-pregudizzju,” kien iddikjara l-gvern li issa ngħata raġun mill-Qorti Kostituzzjonali b’sentenza ċara nhar il-Ġimgħa.
Bil-qtil ta’ Caruana Galizia hemm akkużati l-aħwa George u Alfred Degiorgio magħrufa bħala ċ-Ċiniż u l-Fulu u Vince Muscat magħruf bħala l-Koħħu. Dawn tressqu l-qorti riżultat ta’ investigazzjonijiet mill-itkar serji li nvolvew ukoll forzi tal-ordni internazzjonali.