Iċ-ċampjins tal-Kampjonat Premier Hamrun Spartans u r-rebbieħa tal-FA Trophy Sliema Wanderers se jilgħabu kontra xulxin fil-finali tal-Pre Season Summer Cup li se tintlagħab is-Sibt li ġej fl-Stadium Nazzjonali f’Ta’ Qali.
It-Tlieta filgħaxija Hamrun Spartans għelbu lil Marsaxlokk bl-għoti tal-penalties wara draw ta’ 1 – 1 sad-disgħin minuta. Nikola Raden poġġa lill-Marsaxlokk fil-vantaġġ wara tliet minuti b’Luke Montabello jagħmel l-iskor 1 – 1 minn penalty fit-62 minuta. Wara d-disgħin minuta, l-partita marret mill-ewwel għal penalties bil-goalkeeper ta’ Hamrun Celio De Paz isalva t-tentattivi mill-11 il-metru ta’ Leandro Aguirre u Alex Tank filwaqt li min naħa tal-Spartans falla t-tentattiv Vitao. Wendell Barros tal-stess Hamrun skorja l-penalty deċisiv.
L-Erbgħa kien imiss li jiltaqgħu kontra xulxin ir-rivali antiki Sliema u Floriana bil-blues joħorġu rebbieħa 5 – 4 wara l-għoti tal-penalties. Kien id-difensur Henrique Murillo li poġġa lil Sliema fil-vantaġġ wara kważi kwarta logħob bl-akkwist il-ġdid ta’ Floriana Franklin Sasere kwarta mit-tmiem jagħmilhom 1 – 1.
Bil-partita tibqa f’parita, l-konfront kellu jiġi deċiż permezz tal-penalties b’Samuel Gomes jfalli għal Sliema filwaqt li għal Floriana fallew iċ-ċans mill-11 il-metru Thaguinho Santos u Dunstan Vella.