L-imħabba għan-numri u l-matematika mhux kull student iħaddanha, iżda permezz ta’ proġetti u ideat ġodda mħejjija fil-klassi din qed issir aktar possibbli.
Dan hekk kif is-suġġett tal-matematika m’għadux biss mgħallem bil-kotba, karti u kitba iżda qed jieħu l-ħajja fil-klassijiet bl-istudenti jkunu qed jistennew il-lezzjoni bil-ħerqa biex jieħdu sehem f’xi attività li qed tgħinhom japplikaw kunċetti matematiċi għal sitwazzjonijiet realistiċi.
F’seminar mifrux fuq jumejn bl-isem ta’ Tikka Matematika, mija u ħamsin għalliem u għalliema minn skejjel primarji u sekondarji ngħaqdu flimkien biex jaqsmu l-ideat tagħhom iżda anke jitgħallmu minn xulxin.
“Jien mill-att sekondarju nieħu pjaċir nattendi għax insir naf x’qed isir fl-iskejjel primarji. Għaldaqstant inkun naf x’qed isir u nkunu nistgħu nkomplu nibnu fuq dak li jsir fil-primarji,” qalet Dorienne Grech.
Is-Sinjura Grech qalet li dan is-seminar jgħin direttament lill-istudenti għax kull għalliem jieħu miegħu ideat ġodda li jista’ japplika fl-iskola li jgħallem fiha.
Heath Schembri, għalliem tal-Matematika qal li permezz ta’ dawn il-proġetti, il-matematika tieħu l-ħajja.
“Ġifieri matematika mhux biss mill-kotba, mhux biss mill-handouts imma matematika ħajja bi proġetti fejn l-istudenti qed jagħmlu, qed jikkolaboraw, qed jaħsbu fi gruppi u hawnekk ikollna showcase ta’ proġetti minn skejjel varji fejn edukaturi stess jippreżentaw il-frott ta’ ħsibijiet tal-proġetti li jkunu għamlu,” qal is-Sur Schembri.
Mariella Galea, Uffiċjal Edukattiv tal-Matematika spjegat kif dawn il-prattiċi jservu ta’ għajnuna għall-istudenti li forsi jħarsu lejn is-suġġett tal-matematika b’inqas interess.
“Dawn il-proġetti joffru ħafna opportunitajiet għat-tfal biex l-atitudni tagħhom lejn is-suġġett titjieb u jmorru aħjar,” qalet is-Sinjura Galea.
B’hekk permezz ta’ dawn il-prattiċi l-istudenti jbiddlu l-ħarsa tagħhom lejn dan is-suġġett li filwaqt li qabel kienu biss jisimgħu u jiktbu, issa qed jieħdu gost waqt li jitgħallmu.