Lejliet li l-President tal-Kummissjoni Ewropea, Usola Von der Leyen mistennija li tagħti l-aħħar diskors tagħha dwar l-Istat tal-Unjoni Ewropea, għadu mhux ċar jekk hux se tkun qed terġa’ tfittex din il-kariġa għat-tieni terminu.
Diversi analisti politiċi qegħdin jantiċipaw li d-diskora ta’ għada mhux se jkun wieħed li jirrispondi d-domandi kollha, anzi hu mistenni li dan se jkun qiegħed iħalli ħafna mistoqsijiet mhux imwieġba.
Dan filwaqt li fid-diskors tagħha, Von der Leyen, mistennija li titkellem dwar il-kisbiet tal-Unjoni Ewropea taħt it-tmexxija tagħha. B’mod partikolari mistennija li hi titfa’ aktar dawl fuq il-fatt li l-Kummissjoni Ewropea wettqet tnejn u disgħin fil-mija tal-miżuri li kienu mwiegħda.
Von der Leyen, li assumiet l-aktar kariga prestiġjuża tal-proġett Ewropew mhux bil-proċess normali tal-ispitzenkandidaten, irnexxilha li tgħaqqad l-approċċi differenti li bdew jieħdu l-istati Membri tal-Unjoni fil-konfront tal-pandemija tal-COVID-19 u l-istess b’rabta mal-gwerra fl-Ukrajna.
Madanakollu, anki l-familji politiċi differenti fi ħdan il-Parlament Ewropew għadhom lura milli jiddikjaraw pożizzjonijiet finali dwar jekk humiex se jkunu qegħdin jappoġġjawha għat-tieni terminu.
Waqt li wieġbu d-domandi tal-ġurnalisti lejliet dan id-diskors tant importanti, diversi Viċi-Presidneti tal-Parlament Ewropew li ġejjin minn familji politiċi differenti fosthom is-Soċjalisti u d-Demokratiċi, il-Partit Popolari Ewropew u l-Ħodor, ma kkommettewx dwar x’se tkun il-pożizzjoni tagħhom fil-konfront ta’ dan kollu.
Kienu biss il-Ħodor li permezz tal-Viċi-President Heidi Hautala, li stqarret kif Von der Leyen eċċediet l-aspettativa tal-partit tagħha allura tat x’wieħed jifhem li dawn se jkunu favorevoli f’każ li Von der Leyen terġa’ tfittex din il-kariga. L-istess sentiment madanakollu ma kienx espress mis-Soċjalisti u d-Demokratiċi, hekk kif il-Viċi-President Pedro Silva Pereira qal li l-pożizzjoni tal-Partit tiegħu se tkun qed titieħed wara l-elezzjonijiet ta’ Ġunju li ġej. Dan filwaqt li nnota li mhux jeskludi li jkun tkun il-familja politika tiegħu li ġġib l-akbar ammont ta’ voti f’dawn l-elezzjonijiet allura tkun tista’ tinnomina hi lil xi ħadd fil-proċess tal-ispitzenkandidaten.
Il-PPE, li minnu ġejja Von der Leyen, wkoll għadu ma kkomunikax deċiżjoni finali dwar il-materja fid-dawl ta’ diżgwit li qiegħed jiġi rraportat bejn Von der Leyen u Manfred Weber li huwa l-President tal-Partit Popolari Ewropew.
Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, se tkun qed iżżur pajjiżna fil-jiem li ġejjin filwaqt li fl-aħħar żjara tagħha hija approvat ukoll f’isem il-Kummissjoni Ewropea l-pakkett għall-pajjiżna ta’ €316-il miljun b’rabta mal-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza minn Fondi Ewropej.