Hekk kif fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet saret l-ewwel kompetizzjoni tal-istaġun tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Powerlifting, spikkaw Wayne Gregoraci u Lorna Cachia. Huma kisbu l-aqwa riżultati fil-kategoriji rispettivi tagħhom.
Din l-ewwel kompetizzjoni tal-2023 kellha parteċipazzjoni sabiħa ta’ 44 reffiegħ. Ta’ nota l-ammont kbir ta’ rekords li ġew miksura, 50 rekord nazzjonali b’kollox.
Il-kompetizzjoni kienet ukoll l-aħħar waħda sabiex jkunu magħrufa l-atleti Maltin li se jieħdu sehem fil-Kampjonati tad-Dinja tal-IPF. Kampjonati li se jsiru Malta, f’Ġunju li ġej.
Il-kompetizzjoni ta’ tmiem il-ġimgħa li għaddiet saret fi Steel Extreme Fitness Gym tal-Mosta.